TINBEDA KAMPANJA TA’ INFORMAZZJONI U KOMUNIKAZZJONI GĦALL-UŻU U L-IMMANIĠĠJAR ADDATTAT TAN-NITRATI FL-AGRIKOLTURA U GĦAL MIN IRABBI L-ANNIMALI
Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino flimkien mal-Asisstent Parlamentari l-Onor Philip Mifsud żaru l-bdiewa f’għalqa fejn beda l-proċess ta’ taħriġ u informazzjoni biex jitgħallmu jikkontrollaw aħjar il-livelli tan-nitrati.
Il-Ministru Pullicino qal li l-proġett li 50% tiegħu hu kofinanzjat mill-programm tal-Unjoni Ewropea LIFE+, se jsir b’investiment ta’ €1.4 miljun u jiffoka fuq kampanja ta’ informazzjoni għall-bdiewa u r-raħħala Maltin fuq l-obbligi li jaqgħu taħt il-Pjan ta’Azzjoni dwar in-Nitrati biex jitnaqqas il-livell ta’ nitrati fl-ilma tal-pjan.
Il-Kampnja ta’ informazzjoni qed issir billi numru ta’ uffiċjali se jibdew iżuru lill-bdiewa fl-għelieqi biex, jassistu lill-bdiewa u lir-raħħala biex ikunu konformi mal-obbligazzjonijiet taħt id-Direttivi dwar in-Nitrati. Meta jżuru l-għelieqi l-uffiċjali se jħarrġu lill-bdiewa u lir-raħħala kif għandhom itejbu l-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali. Dan se jsir biex il-bdiewa u r-raħħala u kull min hu involut fis-settur agrikolu ikun infurmat aħjar dwar ir-riskju għall-bniedem mill-kontaminazzjoni tal-ilma minħabba livelli għoljin ta’ nitrati fil-ħamrija, fil-fertilizzanti u fid-demel.
Għal dan il-għan Se jibdew jitqassmu soil analysis kits lill-bdiewa full-time u dawk part-time li għandhom iżjed minn 1.5 etteri ta’ art agrikola kif ukoll lir-raħħala sabiex jitgħallmu jikkontrollaw il-livelli tan-nitrati. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet illum uffiċjal mid-Dipartiment tal-Agrikoltura spjegat u uriet lil bdiewa kif dan il-kit jitħaddem biex b’hekk il-bidwi fil-ħidma tiegħu ta’ kuljum ikun jista’ janalizza l-ammont ta’ nitrati li hemm fil-ħamrija tiegħu. Għaldaqstant l-ufiċjali li se jżuru l-bdiewa fl-għelieqi se jagħtuhom għajnuna profesjonali lil bdiewa biex ifasslu fertilizer plan. Il-Ministru Pullicino qal li dan il-proġett se jgħin lill-bdiewa biex ikunu jafu aktar preċiż kemm għandhom bżonn fertilizzanti għall-għelejjel tagħhom u għalhekk se jkollom ammont ta’ savings fl-infiq tal-fertilizzanti peress li se jixtru u jużaw biss kemm verament ikollhom bżonn.
Intant twaqqaf ukoll forum li diġà beda jiltaqa’ bejn producer organisations, koperattivi tal-bdiewa u raħħala, rapreżentanti mill-MRA (Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi), il- MEPA (l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ipjanar) u l-Università ta’ Malta biex jiddiskutu u janalizzaw il-progress li jkun qed isir.
L-Onor Philip Mifsud qal li l-proġetti tal-LIFE+ fuq informazzjoni u kommunikazzjoni ixerrdu u jkabbru l-għarfien dwar l-importanza fuq kwistonijiet ambjentli. Barra minn hekk jipprovdu taħriġ u għarfien dwar il-ħarsien xieraq tal-ambjent. L-Onor Mifsud tkellem fuq is-sempliċità tal-proċess biex issir l-analiżi fuq l-għalqa u qal li l-ftit minuti li se jieħu l-bidwi biex iwettaq din l-analiżi se ssaraf biex il-bidwi stess jassigura mmaniġġjar aħjar tal-fertilizant li juża. Hu temm jgħid li dan li qed jinbeda llum hu ħolqa oħra f’katina ta’ inizjattivi favur il-konservazzjoni tal-ilma. F’dan ir-rigward il-Ministru Pullicino fakkar kif il-ħidma tal-Gvern Malti biex jitħares l-ilma tal-pjan ġiet il-ġimgħa l-oħra meqjusa mir-rapreżentanti tal-Kummisjoni Ewropea bħala best practice għal-pajjiżi Ewropej oħra.
Stqarrijiet Oħra:
PR262024en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR262024