Left arrow Mur Lura

AKTAR INVESTIMENT B’RISQ L-ISTUDENTI GĦAWDXIN FL-ISKOLA SEKONDARJA TAS-SUBIEN

pr2240
Date Icon 12/10/2012

“Minbarra x-xogħlijiet fl-iskejjel kollha madwar Għawdex, li jsiru kull sena matul ix-xhur tas-sajf, il-Ministeru għal Għawdex jinvesti wkoll b’mod kontinwu f’apparat u faċilitajiet oħra bil-għan li jtejbu dejjem aktar is-servizzi li jingħataw lill-istudenti Għawdxin.”  Dan qalitu l-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, meta dalgħodu żaret l-Iskola Sekondarja tas-Subien f’Victoria fejn din is-sena qed jattendu madwar 600 student.

Mal-bidu ta’ din is-sena skolastika bdew jintużaw 33 graphical communication board li tqassmu fi tlett klassijiet li jintużaw mill-istudenti waqt il-lezzjonijiet tal-Komunikazzjoni Grafika. Fl-istess waqt beda jintuża wkoll apparat speċjali li jiffaċilita t-tagħlim għal student bi problemi fil-viżta. Din is-sistema tinvolvi l-użu ta’ laptop u kamera żgħira li jitpoġġew fuq id-desk. Permezz tagħhom l-istudent ikun jista’ jsegwi l-lezzjoni billi t-tipi żgħar tal-kotba jiġu trasmessi mill-kamera għal fuq il-laptop fejn il-kitba tidher b’tipa akbar.

L-Onor. Giovanna Debono qalet li dan huwa investiment essenzjali li jkompli jsaħħaħ is-sistema ta’ edukazzjoni inklużiva fl-iskejjel tagħna filwaqt li jtejjeb wkoll il-faċilitajiet offruti lill-istudenti. Hija spjegat kif permezz ta’ dawn il-boards, l-istudenti tal-Komunikazzjoni Grafika ser jiffrankaw milli jġorru magħhom din il-board mid-dar, u b’hekk jiffrankaw it-toqol żejjed. Uriet sodisfazzjon fir-rigward tal-ħidma offruta mill-għalliema u edukaturi oħra li joffru s-servizzi tagħhom b’risq studenti żvantaġġati u b’hekk jassiguraw li kulħadd jingħata l-istess opportunitajiet biex verament ħadd ma jibqa’ lura.

Waqt waqfa f’wieħed mill-computer labs li għandha din l-iskola, il-Ministru Debono setgħet issegwi parti mix-xogħol li qed isir fil-proċess biex jiġi ristrutturat is-sit elettroniku ta’ din l-iskola. Is-surmast spjega kif id-disinni u x-xogħol twettqu jew qed jitwettqu minn għalliema fl-istess skola.

Filwaqt li faħħret l-impenn u l-inizjattivi ta’ dawk kollha li jaħdmu fil-qasam edukattiv f’Għawdex, hija fissret kif il-Ministeru għal Għawdex isostni din il-ħidma b’għajnuna u proġetti li jkomplu jsaħħu l-istrutturi u l-faċilitajiet f’dawn l-iskejjel. Hija semmiet fost l-oħrajn il-proġett Alter Aqua li qed jiġi koordinat mill-Global Water Partnership flimkien mal-Ministeru għal Għawdex, li permezz tiegħu qed jinbnew ġibjuni għall-ħażna tal-ilma tax-xita ġodda u jiġu msewwija oħrajn qodma f’diversi skejjel tal-Gvern f’Għawdex. Bis-saħħa ta’ dan il-proġett, il-potenzjal tal-ħażna tal-ilma f’dawn l-iskejjel ser jiżdied b’madwar 900 metru kubu.

Matul din is-sena akkademika, il-qasam edukattiv f’Għawdex huwa impenjat biex jipprovdi edukazzjoni lil madwar 5,000 student, fosthom 2,222 f’livell primarju; 1,756 f’livell sekondarju; 540 fiċ-Ċentru għall-Studji Ogħla Sir M. A. Refalo, 260 fl-istituti tal-MCAST fix-Xagħra u x-Xewkija u 70 student fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Qala. Barra minhekk  madwar 150 persuna oħra qed isegwu korsijiet fil-Kampus tal-Università f’Għawdex.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  Six kilometres of new cables to continue reinforcing Birkirkara’s electricity network

PR262024en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  Sitt kilometri ta’ cables ġodda biex ikompli jissaħħaħ in-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Birkirkara

PR262024

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

Aktar Stqarrijiet Right arrow