IMĦABBRA BIDLIET RADIKALI FIL-ĦRUG TA’ LIĊENZJI TAN-NEGOZJU LI SER IFISSRU TNAQQIS TA’ BUROKRAZIJA, AKTAR FLESSIBILITÀ U EFFIĊJENZA
"Dan huwa Gvern li jrid ikompli jagħmel il-ħajja tan-negozji dejjem aktar sempliċi u faċli". Dan qalu dalgħodu l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi, f’konferenza stampa li fiha ħabbar miżuri radikali ġodda għal ħruġ ta’ liċenzji tan-negozji. Preżenti wkoll kien hemm is-Sur Paul Abela f’isem l-GRTU u s-Sur Kevin Borg f’isem il-Kamra tal-Kummerċ, li mill-bidu kienu favur u appoġġaw l-Gvern għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri.
B’seħħ mill-1 ta’ Novembru li ġej min ikun se jiftaħ negozju ġdid (li ma jinvolvix ikel jew saħħa), mhux se jkollu aktar għalfejn japplika għall-liċenzja mid-Dipartiment tal-Kummerċ, iżda wara li jġib il-permess tal-MEPA, sid in-negozju jrid biss jinforma lid-Dipartiment tal-Kummerċ permezz ta’ notifka li se jibda negozju ġdid.
Din il-bidla tippermetti wkoll li s-sid tan-negozju jkun jista’ jinforma lid-dipartiment anke sa 30 ġurnata minn meta jkun beda l-attivita kummerċjali tiegħu. B’hekk wieħed se jkun qed jiffranka ħafna ġiri u ħela ta’ ħin żejjed. Il-Ministru Azzopardi qal li qed ikun stmat li 80 % tal-attivitajiet kummerċjali ġodda se jkunu qed jibbenefikaw minn din is-simplifikazzjoni.
Regola ġdida oħra li biha se tkun qed tonqos ħafna burokrzija żejda, hija li meta wieħed jiftaħ post kummerċjali ġdid, għalkemm xorta jibqa obbligat li jġib il-permess neċessarju mill-MEPA , mhux se jkollu bzonn jissottometti kopja ċertifikata tal-permess tal-MEPA u lanqas kopja tal-floor plan tal-bini kummerċjali kif inhu l-każ sal-llum. Wieħed se jkollu bżonn biss jipprovdi n-numru tal-permess tal-ippjanar maħrug mill-MEPA. Se jkun hemm ukoll proċessar eħfef tal-ħlas li jintalab għall-liċenja fil-bidu tal-proċess.B’hekk in-negozjant ma jkollux bżonn jerġa’ jiġi kkuntattjat qabel toħrog il-liċenzja. Dan se jkun qed ifisser iffrankar ta’ ħin.
Il-Ministru Azzopardi qal li permezz ta’ dawn il-bidliet, il-Gvern qed juri kemm jimpurtah minn dan is-settur u huwa mpenjat li joffri l-aħjar lin-negozji Maltin u Għawdxin. Kompla billi qal li l-Gvern ma juzax kliem sabiħ u jwiegħed dak li ma jistax iwettaq, iżda bil-fatti qed jagħmel il-ħajja tan-negozji aktar faċli b’inqas red tape."Irridu nħallukom taħdmu bl-aħjar għodda, bl-aħjar skemi u f'ekonomija b'saħħitha", sostna Azzopardi. "Din hi l-politika tal-Gvern preżenti u hekk se nkomplu nagħmlu għax hekk jixraqilhom in-negozji", saħaq Azzopardi.
Miżura importanti oħra hija r-roħs f’ċertu licenzji tal-kummerċ. Il-ħlas ta’ liċenzja ta’ post kummerċjali li jiġi utilizzat għall-manifattura, mhux ser jibqa’jiġi kkalkulat skond il-valur tal-kera imma se jibda jiġi kkalkulat skond il-footprint, l-istess kif inhu provdut għall-postijiet kummerċjali oħra. F’postijiet li jokkupaw spazju totali ta’ inqas minn 200m², wieħed se jkun qed iħallas €70 mentri u f’każ li wiehed jokkupa spazju aktar minn 800m², dan se jkun qed iħallas massimu ta’ € 1000. L-emendi jipprovdu li jekk dak li kien jitħallas qabel kien irħas, l-irħas ammont jgħodd.
Barra minhekk, il-ħlas tal-liċenzja għal postijiet kummerċjali b’footprint ta’ ‘l fuq minn 800m2 li qabel ukoll kien jiġi ikalkulat skond valur tal-kera u jibda b ‘minimu ta’ €1,164 mingħajr limitu, qed jiġi stabilit bħala massimu ta’ €1,000 biss. Dan isarraf fi gwadann ta’ €164 fuq il-minimu attwali u jista’ jservi ta’ gwadann t’iktar minnhekk jekk l-individwu kien qieghed iħallas iktar minħabba li qabel ma kienx hemm massimu.
F’dak li jirrigwardja l-ikkanċellar ta’ licenzji, sa issa il-ħlas tal-liċenzji kummerċjali kien dovut sad-data tal-kanċellazzjoni tal-liċenzja u dan kien ikun irrilevanti jekk tkunx għaddejja attività kummerċjali jew le. L-emendi l-ġodda se jipprovdu fost l-oħrajn li d-Direttur tal-Kummerċ se jkun jista’ jikkanċella liċenzji li l-pagament tagħhom ma jkunx tħallas għal erba’ snin konsekuttivi, filwaqt li l-pagamenti annwali se jkunu obbligatorji sad-data tat-terminu tal-operat biss u mhux sad-data tal-kanċellazzjoni kif kienet l-liġi sal-llum. Dan ifisser li sid in-negozju se jkun qed jiffranka ħafna flus u spejjeż żejda.
Fl-aħħar nett il-Ministru Azzopardi qal li din hija turjia oħra ta’ bidla għall-aħjar sabiex il-Gvern preżenti jagħmel il-ħajja tan-negozji Maltin u Għawdxin aktar faċli u sempliċi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262024en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR262024