630 TIFEL U TIFLA JAGĦMLU UŻU MINN 40 LEARNING SUPPORT ZONES U NURTURE GROUPS FL-10 KULLEĠĠI TAL-ISTAT
- Impjegati madwar 350 professjonist biex jgħinu fl-iżvilupp sħiħ tat-tfal fosthom: Social & Emotional Behavior Specialist, Psikoterapisti, Social Workers, Youth Workers, Career Advisors, u Inclusion Coordinators.
- Edukazzjoni ħolisitka u inklussiva ta’ kwalita għolja
- Malta fil-quċċata fost il-pajjiżi tal-UE bl-aktar inklużjoni fl-iskejjel
- 3,231 tifel u tifla qed jingħataw għajnuna minn 2,297 LSA
630 tifel u tifla qed jagħmlu użu minn 40 Learning Support Zone u Nurture Group fl-10 Kulleġġi tal-iStat filwaqt li eluf ta’ tfal oħra b’diżabilita jew b’diffikultajiet soċjali, emozzjonali jew ta’ imġieba qed jiġu assistiti minn grupp ta’ madwar 350 professjonist biex jiġi żviluppat il-massimu tal-potenzjal tagħhom. Dan qalu l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport meta dalgħodu żar l-iskola Sekondarja tas-Subien, f’Taż-Żokrija, Kulleġġ Santa Marija.
Is-Segretarju Parlamentari qal li r-riforma fl-edukazzjoni obbligatorja qed tagħti lil pajjiżna edukazzjoni inklussiva u ħolisitka u fl-istess waqt ta’ kwalita għolja. Huwa qal li sistema ta’ edukazzjoni inklussiva, fejn tfal b’abbiltajiet differenti jattendu l-istess skola, qed tagħti dinjità u opportunitajiet indaqs lit-tfal kollha, anke jekk toffri sfidi. Għalhekk minbarra investiment qawwi fl-infrastruttura u fit-teknologija, il-Gvern qiegħed jinvesti fir-riżorsi u fi professjonisti li joffru appoġġ professjonali lil dawk l-istudenti fl-edukazzjoni mainstream, li għandhom diżabilita jew li qed jesperjenzaw diffikultajiet soċjali, emozzjonali u fl-imġieba.
Is-Segretarju Parlamentari qal li llum hemm 19-il Nurture Group fl-iskejjel primarji, li żdiedu b’6 minn 13 is-sena li għaddiet u 21 Learning Support Zone, li żdiedu bi 2 minn 19 is-sena li għaddiet fl-iskejjel sekondarji. Huwa qal li 630 tifel u tifla użaw din l-għodda matul is-sena li għaddiet: 210 użaw in-nurture groups fl-iskejjel primarji u 420 użaw il-Learning Support Zones fis-sekondarji.
Is-Segretarju Parlamentari spjega li n-nurture groups huma għodda edukattiva effettiva li tgħin fl-izvilupp tat-tfal li jesperjenzaw diffikultajiet soċjali, emozzjonali u fl-imġieba. Waqt is-sessjonijiet tan-Nurture Group l-istudenti ma jitgħallmux ħiliet akkademiċi bħal matematika u l-lingwi iżda jiġu mgħallma ħiliet soċjali essenzjali bħal komunikazzjoni u mġieba u manjieri tajba. In-Nurture Group ma jkunx magħmul minn aktar minn 10 studenti biex dawn jingħataw attenzjoni individwali biex jiksbu l-ħiliet li jkollhom bżonn u ikunu jistgħu jiġu integrati lura fil-klassi mingħajr xkiel. Kultant, fin-Nurture Group jattendu wkoll il-ġenituri tat-tfal li jkunu f’dawn il-gruppi biex huma jkunu jistgħu jkomplu jgħinu lil uliedhom wara l-ħin tal-iskola.
Is-Segretarju Parlamentari qal li Learning Support Zones fl-iskejjel sekondarji għandhom l-istess għanijiet tan-Nurture Groups. Huwa spjega li l-learning support zones, huma ambjent informali li jixbaħ aktar lid-dar mill-iskola. Hawnhekk gruppi ta’ studenti jkun segwiti minn grupp ta professjonisti fosthom Social Worker, Youth Worker u Guidance Teachers li jorganizzawlhom diskussjonijiet, loghob u tisjir fost l-ohrajn biex ikunu megħjuna jiksbu ħiliet li jgħinuhom tul il-ħajja u mhux fl-iskola biss.
Is-Segretarju Parlamentari qal li fl-aħħar snin ġew ingaġġati madwar 350 professjonist biex jassitu lill-għalliema fl-izvilupp tat-tfal tal-iskejjel, fosthom: Inclusion Coordinators fl-iskejjel biex jipprovdu s-sapport neċessarju fejn tidħol l-inklussivita’ fl-edukazzjoni; Social Workers; Psikoterapisti; Youth Workers; Career Advisors; u Emotional Behaviour Specialists.
Is-Segretarju Parlamentari qal li sar ukoll ħafna xoghol fuq l-inklużjoni ta’ tfal b’dizabilità. Illum 3,231 tifel u tifla fl-iskejjel primarji u sekondarji qed jingħataw għajnuna minn 2297 Learning Support Assistant (LSA) li minnhom 693 huma fl-iskejjel tal-Knisja u mħallsa mill-Gvern.
L-Onor Puli qal li illum il-ġurnata fl-iskejjel tal-istat qed isiru wkoll multi sensory rooms li qed jintużaw biex isiru programmi ma’ studenti b’diżabilita. Dawn il-programmi huma l-aktar indikati għal studenti b’diffikulta fil-vista iżda jistgħu jintuzaw ma’ studenti li għandhom forom oħra ta’ dizabilità. Huwa tenna li illum fl-iskejjel qed jingħata sapport lit-tfal bl-awtiżmu permezz tal- Autism Spectrum Support Team li jgħin lil LSA u l-iskejjel biex jikkontrollaw dawn it-tfal, fejn fl-aħħar 3 snin, ingħata sapport lil 161 student f’49 skola.
L-Onor Puli saħaq li matul din il-leġizlatura saru diversi riformi mill-Gvern biex Malta qiegħda fuq quddiem nett f’dan il-qasam b’0.3% tal-istudenti bi bżonnijiet speċjali biss qed jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fi skejjel segragati barra mill-mainstream mentri l-medja tal-UE hi ta’ 2.3%. Dan wassal biex Malta tinsab fl-ewwel post bl-aħjar rata ta’ inklużjoni gl-iskejjel fost is-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
Qal Ukoll li l-Gvern qed iħares lejn screening minn eta’ bikrija (Early Intervention Screening) biex ikunu identifikati dawk it-tfal f’riskju li jibqgħu lura ħalli jingħataw l-għajnuna meħtieġa.
Stqarrijiet Oħra:
PR262024en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR262024