TQASSIM TA’ SCHOLARSHIPS TAĦT L-ISKEMA TSSM TAL-MCAST
Tqassmu 59 Borża ta’ Studju oħra
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina l-bieraħ qassmet 59 Borża ta’ Studju għall-valur ta’ €803,000 lil studenti tal-MCAST li jridu jkomplu jistudjaw fl-oqsma tas-Servizzi Finanzjarji u d-Digital Gaming.
F’diskors qasir il-Ministru Cristina qalet li f’temp ta’ ftit ġimgħat kienet qed tieħu sehem f’ċerimonja li fiha tqassmu aktar scholarships biex aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jkomplu jistudjaw u jiksbu kwalifiki u ħiliet li jgħinuhom jagħmlu karriera u jsibu mpjieg li jagħtihom sodisfazzjon u li fl-istess ħin ikunu qed jikkontribwixxu għall-ġid tal-pajjiż.
Jekk ngħoddu dawn il-59 borża ta’ studju li se nagħtaw il-bieraħ insibu li fl-aħħar ħames snin tajna aktar minn 2,000 scholarship li swew lill-Gvern kważi €20 miljun. Dan hu parti mill-investiment qawwi li l-pajjiż qed jagħmel fl-edukazzjoni. Dawn huma flus li flimkien mal-istipendju li jlaħħqu għal €23 miljun fis-sena qed imorru direttament fil-bwiet tal-istudenti tagħhna biex ikomplu jistudjaw.
Matul dawn l-aħħar 10 snin is-settur tal-edukazzjoni għolja u avanzata f’pajjiżna għamel passi kbar ‘l quddiem u espanda ħafna. Pajjiż bħal tagħna fejn l-ekonomija hi bażata fuq l-għerf, bilfors irid ikollna numru ta’ individwi mħarrġa u kwalifikati.
B’mod partikolari il-Gvern ħass li għandu jassigura li l-pajjiż ikollu nies imħarrġa sew fil-qasam tad-Digital Media u s-Servizzi Finanzjarji għax dawn huma setturi li qed jattiraw lejn pajjiżna ħafna investiment barrani li miegħu iġib żieda fl-impjiegi f’dawn is-setturi.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni qalet li għalhekk ittieħdet id-deċizjoni li noffru scholarships, permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, f’dawn iż-żewġ oqsma partikolari li t-taħriġ għalihom hu offrut mill-MCAST.
L-idea hi li jingħataw aktar opportunitajiet lil studenti li jridu jagħmlu programmi fit-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni u l-Informazzjoni f’Livell 5 u 6. Permezz ta’ dawn l-ischolarships il-Gvern qed joffri għajnuna finanzjarja lil dawk li jridu jkomplu jistudjaw fuq bażi full time fil-qasam tad-Digital Media u s-Servizzi Finanzjarji bl-iskop li jiksbu kwalifika.
Dawn huma oqsma li fl-aħħar snin raw espansjoni qawwija ħafna u li qed jikkontribwixxu ħafna għall-ekonomija tal-pajjiż. Diversi kumpanniji barranin fil-qasam tas-Servizzi Finanzjarji u d-Digital Gaming qed jagħżlu lil Malta biex jagħmlu l-bażi tagħhom u jaħdmu minn hawn. L-istudji li saru juru li dan il-qasam se jkompli jikber u għalhekk għandna bżonn aktar nies imħarrġa biex jaħdmu fih.
Il-Ministru Cristina għamlitha ċara li dawn huma Boroż ta’ Studju li ma jingħatawx b’mod awtomatiku lil kull min japplika għalihom. Dawn jingħataw fuq bażi kompetittiva lil min hu l-aktar ippreparat biex jidħol għal dan l-impenn, sakemm jintużaw il-fondi allokati għalihom.
Il-Ministru qalet li l-MCAST għandu l-infrastruttura meħtieġa u l-lecturers imħarrġa u kwalifikati biex joffru t-tagħlim f’dawn iż-żewġ oqsma, kif diġa’ wera f’oqsma oħra fejn kien hemm ħtieġa li l-industrja jkollha nies imħarrġa bħal fil-każ tal-manutenzjoni fl-avjazzjoni u fil-qasam tal-farmaċewtika.
Din l-istituzzjoni li f’temp ta’ għaxar snin aktar milli rduppjat l-istudenti tagħha, qegħda f’fażi kontinwa ta’ żvilupp u qed tagħti kontribut kbir fil-qasam tal-edukazzjoni għolja f’pajjiżna.
Bħalissa, qegħdin fl-ewwel fażi tal-bini tal-campus il-ġdid. Il-Kulleġġ għandu wkoll Prinċipal ġdid. Għandna lecturers b’ħafna entużjażmu li għadna kif tajnihom Ftehim Kollettiv ġdid b’kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol. Għandna aktar minn 10,000 student għatxana biex jitgħallmu u jagħmlu suċċess.
Dan kollu jawgura tajjeb għall-MCAST, għall-istudenti tiegħu u l-familji tagħhom u għall-pajjiż kollu kemm hu. Il-Gvern hu impenjat li jkompli jgħin u jinvesti biex l-MCAST ikompli jkun storja ta’ suċċess u jagħti lill-pajjiż nies preparati biex jilqgħu l-isfidi li se jkollna fil-futur.
Il-Ministru awgurat lill-istudenti li rebħu l-Boroż ta’ Studju li jagħmlu suċċess minn din l-opportunità u jfittxu li jagħmlu karriera li tagħtihom sodisfazzjon u bil-ħidma tagħhom jgħinu wkoll l-ekonomija tal-pajjiż.
Stqarrijiet Oħra:
PR262024en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR262024