Left arrow Go Back

TQASSIM TA’ SCHOLARSHIPS TAĦT L-ISKEMA TSSM TAL-MCAST

pr2232
Date Icon 12/10/2012

Tqassmu 59 Borża ta’ Studju oħra

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina l-bieraħ qassmet 59 Borża ta’ Studju għall-valur ta’ €803,000 lil studenti tal-MCAST li jridu jkomplu jistudjaw fl-oqsma tas-Servizzi Finanzjarji u d-Digital Gaming.

F’diskors qasir il-Ministru Cristina qalet li f’temp ta’ ftit ġimgħat kienet qed tieħu sehem f’ċerimonja li fiha tqassmu aktar scholarships biex aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jkomplu jistudjaw u jiksbu kwalifiki u ħiliet li jgħinuhom jagħmlu karriera u jsibu mpjieg li jagħtihom sodisfazzjon u li fl-istess ħin ikunu qed jikkontribwixxu għall-ġid tal-pajjiż.

Jekk ngħoddu dawn il-59 borża ta’ studju li se nagħtaw il-bieraħ insibu li fl-aħħar ħames snin tajna aktar minn 2,000 scholarship li swew lill-Gvern kważi €20 miljun.  Dan hu parti mill-investiment qawwi li l-pajjiż qed jagħmel fl-edukazzjoni.  Dawn huma flus li flimkien mal-istipendju li jlaħħqu għal €23 miljun fis-sena qed imorru direttament fil-bwiet tal-istudenti tagħhna biex ikomplu jistudjaw.

Matul dawn l-aħħar 10 snin is-settur tal-edukazzjoni għolja u avanzata f’pajjiżna għamel passi kbar ‘l quddiem u espanda ħafna.  Pajjiż bħal tagħna fejn l-ekonomija hi bażata fuq l-għerf, bilfors irid ikollna numru ta’ individwi mħarrġa u kwalifikati.

B’mod partikolari il-Gvern ħass li għandu jassigura li l-pajjiż ikollu nies imħarrġa sew fil-qasam tad-Digital Media u s-Servizzi Finanzjarji għax dawn huma setturi li qed jattiraw lejn pajjiżna ħafna investiment barrani li miegħu iġib żieda fl-impjiegi f’dawn is-setturi.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni qalet li għalhekk ittieħdet id-deċizjoni li noffru scholarships, permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, f’dawn iż-żewġ oqsma partikolari li t-taħriġ għalihom hu offrut mill-MCAST.

L-idea hi li jingħataw aktar opportunitajiet lil studenti li jridu jagħmlu programmi fit-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni u l-Informazzjoni f’Livell 5 u 6. Permezz ta’ dawn l-ischolarships il-Gvern qed joffri għajnuna finanzjarja lil dawk li jridu jkomplu jistudjaw fuq bażi full time fil-qasam tad-Digital Media u s-Servizzi Finanzjarji bl-iskop li jiksbu kwalifika. 

Dawn huma oqsma li fl-aħħar snin raw espansjoni qawwija ħafna u li qed jikkontribwixxu ħafna għall-ekonomija tal-pajjiż.  Diversi kumpanniji barranin fil-qasam tas-Servizzi Finanzjarji u d-Digital Gaming qed jagħżlu lil Malta biex jagħmlu l-bażi tagħhom u jaħdmu minn hawn.  L-istudji li saru juru li dan il-qasam se jkompli jikber u għalhekk għandna bżonn aktar nies imħarrġa biex jaħdmu fih.

Il-Ministru Cristina għamlitha ċara li dawn huma Boroż ta’ Studju li ma jingħatawx b’mod awtomatiku lil kull min japplika għalihom.  Dawn jingħataw fuq bażi kompetittiva lil min hu l-aktar ippreparat biex jidħol għal dan l-impenn, sakemm jintużaw il-fondi allokati għalihom.

Il-Ministru qalet li l-MCAST għandu l-infrastruttura meħtieġa u l-lecturers imħarrġa u kwalifikati biex joffru t-tagħlim f’dawn iż-żewġ oqsma, kif diġa’ wera f’oqsma oħra fejn kien hemm ħtieġa li l-industrja jkollha nies imħarrġa bħal fil-każ tal-manutenzjoni fl-avjazzjoni u fil-qasam tal-farmaċewtika.

Din l-istituzzjoni li f’temp ta’ għaxar snin aktar milli rduppjat l-istudenti tagħha, qegħda f’fażi kontinwa ta’ żvilupp u qed tagħti kontribut kbir fil-qasam tal-edukazzjoni għolja f’pajjiżna.

Bħalissa, qegħdin fl-ewwel fażi tal-bini tal-campus il-ġdid.  Il-Kulleġġ għandu wkoll Prinċipal ġdid.  Għandna lecturers b’ħafna entużjażmu li għadna kif tajnihom Ftehim Kollettiv ġdid b’kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol.  Għandna aktar minn 10,000 student għatxana biex jitgħallmu u jagħmlu suċċess.

Dan kollu jawgura tajjeb għall-MCAST, għall-istudenti tiegħu u l-familji tagħhom u għall-pajjiż kollu kemm hu.  Il-Gvern hu impenjat li jkompli jgħin u jinvesti biex l-MCAST ikompli jkun storja ta’ suċċess u jagħti lill-pajjiż nies preparati biex jilqgħu l-isfidi li se jkollna fil-futur.

Il-Ministru awgurat lill-istudenti li rebħu l-Boroż ta’ Studju li jagħmlu suċċess minn din l-opportunità u jfittxu li jagħmlu karriera li tagħtihom sodisfazzjon u bil-ħidma tagħhom jgħinu wkoll l-ekonomija tal-pajjiż.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  Six kilometres of new cables to continue reinforcing Birkirkara’s electricity network

PR262024en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  Sitt kilometri ta’ cables ġodda biex ikompli jissaħħaħ in-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Birkirkara

PR262024

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow