MNEDIJA L-GIMGĦA DDEDIKATA GĦAN-NEGOZJI ŻGĦAR U MEDJI
F’konferenza stampa li saret kmieni waranofsinhar, il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi flimkien mal-Kap tar-Rapprezentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, s-Sur Martin Bugelli nieda uffiċjalment sensiela ta’ attivitajiet li se jiġu organizzati f’ġimgħa li se tkun ddedikata għan-negozji żgħar u medji. Il-Ministru beda billi esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal fatt li Malta reġgħet kklassifikat fl-ewwel post fl-implimentazjoni tal-liġijiet għas-suq komuni u dan, qal l-Ministru jfisser li minkejja Malta m’għandix servizz pubbliku kbir daqs ta’ pajjiżi oħra, xorta eċċellat u tassew hi l-aħjar fl-Ewropa.
Dawn l-attivitajiet qed jiġu organizzati flimkien mal-Kummissjoni Ewropea li min naħa tagħha torganizza dawn l-attivitajiet madwar il-pajjizi kollha tal-Unjoni Ewropea. Din is-sena l-Kummissjoni Ewropea ħasbet sabiex tgħaqqad dawn l-attivitajiet flimkien ma’ dawk tas-Suq Uniku li din is-sena qed jiċċelebra l-għoxrin sena tiegħu.
Din il-ġimgħa ddedikata għal dawn l-avvenimenti se ssir bejn il-15 u l-21 ta’ Ottubru 2012. Intant qabel dawn id-dati, se jsiru żewġ attivitajiet oħra; waħda għada, ddedikata għan-nisa bit-tema "Female Business Café"; seminar għan-nisa li ma jaħdmux, kif ukoll nisa attivi f’xi professjoni u studenti li jixtiequ jibdew in-negozju taghħom li fih tingħatalhom informazzjoni dwar ħiliet entraprenarji.
L-attività "Tapping Single Market Opportunities" li se ssir fil-11 ta’ Ottubru se tinkludi informazzjoni dwar diversi servizzi online li esportaturi u kumpaniji żgħar u medji jistgħu jużaw biex iwessgħu s-suq tagħhom għal dak internazzjonali. Wara s-seminar, il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ esperti minn diversi reġjuni.
Fost il-medda ta’ attivitajiet li qed jigu organizzati, It-Tnejn 15 ta’ Ottubru se jiġu organizzati 3 sezzjonijiet bit-tema "Europe my Business" organizzati mill-Junior Achievement Young Enterprise għall-istudenti, programm li jiffoka fuq l-Ewropa, ir-riżorsi tagħha u l-intrapriża. It-Tlieta 16 ta’ Ottubru se tigi organizzata :"European Single Market – Discerning the Opportunities and Challenges for Maltese Business" ; konferenza nazzjonali li matulha se jkun hemm workshops , li fihom se jiġu spjegati opportunitajiet li hemm ta’ kummerċ fl-Ewropa. L-Erbgħa 17 ta’ Ottubru se jigi organizzat Business Breakfast bit-tema "Accessing the Single Market" għall-komunità kummerċjali Għawdxija u persuni oħrajn interessati li jibbenifikaw mill-potenzjal tas-suq uniku. Il-Ħamis 18 ta’ Ottubru se jkun hemm konferenza dwar l-artiġjanat, liema attività se tindirizza kwistjonijiet tipiċi fis-qasam tas-snajja Maltin partikolarment fil-qasam turistiku. L-attivitajiet jilħqu l-qofol tagħhom il-Ġimgħa 19 u s-Sibt 20 ta’ Ottubru bis-"Single Market Fair", fejn numru ta’ entitajiet bħall-Eures u l-EUPA se jkunu preżenti matul il-fiera biex jiltaqgħu mal-pubbliku u jirrispondu xi mistoqsijiet li jista’ jkollhom.
Il-Ministru Azzopardi saħaq li dawn l-attiviatjiet għandhom iressqu flimkien kemm negozjanti kif ukoll nies oħra li għandhom għal qalbhom dan is-settur, sabiex flimkien jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, jitgħallmu minn xulxin u joħorġu b’ideat ġodda u innovattivi.
Is-Sur Martin Bugelli, Kap tar-Rapprezentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, saħaq li s-Suq Uniku Ewropew huwa pilastru fundamentali għall-futur tat-tkabbir ekonomiku Ewropew.
Preżenti kien hemm ukoll is-Sur Alex Scicluna, Kap Ezekuttiv ta’ Jubilee Foods li huwa intraprenditur li ngħata prominenza fil-magażin maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea bit-titlu "The Secret of Success". Dan il-magażin jagħzel fost l-aqwa intraprendituri madwar l-Ewropa li jkunu eċċellaw f’qasam specifiku. Is-Sur Scicluna se jkun qed jirrapprezenta lil pajjiżna ġewwa Brussell bejn il-15 u l-21 ta’ Ottubru flimkien ma’ rappreżentanti ta’ intrapriżi żgħar u medji oħra minn madwar l-Ewropa, sabiex jaqsam l-istorja ta’ suċċess tiegħu f’dak li jirrigwarda n-negozju tiegħu. F’dik il-ġimgħa stess, is-Sur Scicluna se jiġi rikonoxxut għas-suċċess li għamel fil-kumpanija tiegħu.
Il-Ministru Azzopardi qal li dan huwa tassew unur għal pajjizna u jixhed id-dedikazzjoni u l-impenn li l-intraprendituri Maltin għandhom għan-negozju tagħhom. Huwa qal li dan huwa mod ieħor kif pajjiżna jingħata prominenza f’dak li jirrigwardja s-settur tan-negozji żgħar u medji u tafferma kemm dan is-settur huwa b’saħħtu f’pajjiżna.
Fl-aħħar nett il-Ministru Azzopardi, awgura li dawn l-attivitajiet jkunu ta’ suċċess u tenna jgħid li l-Gvern huma kommess u se jkompli jimpenja ruħu li jkompli jinċentiva u jgħin lil dan is-settur li huwa s-sinsla tal-ekonomija Maltija u li permezz tiegħu jissaħħu u jiżdiedu l-impjiegi.
Other Press Releases:
PR262024en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR262024