IKOMPLU JISSAĦĦU L-INIZJATTIVI FAVUR D-DIVING F’GĦAWDEX
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, ippreżentat il-pubblikazzjoni DiveInside Gozo li tinkorpora informazzjoni u ritratti ta’ dak li għandha x’toffri l-gżira ta’ Għawdex lit-turisti li huma wkoll għaddasa. Din il-pubblikazzjoni ġiet stampata b’riżultat ta’ żjajjar minn gruppi ta’ għaddasa professjonisti li ddeskrivew l-esperjenzi li kellhom f’Għawdex f’Mejju u Ottubru tal-2011. Din l-inizjattiva ġiet ikkordinata mid-Direttorat għat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex bħala parti mill-programm ta’ ħidma marbuta mal-ewwel Pjan ta’ Azzjoni eko-Għawdex għas-snin 2010-2012.
Il-Ministru Giovanna Debono fissret kif l-esperjenzi personali tal-għaddasa barranin ġew amalgamati ma’ informazzjoni oħra dwar servizzi u attrazzjonijiet li wieħed jista’ jsib, kif ukoll ma’ tagħrif dwar l-iskejjel tad-Diving li joperaw f’Għawdex. B’hekk din il-pubblikazzjoni ser isservi bħala gwida turistika dettaljata għal dawk l-għaddasa li jkunu diġà qegħdin Għawdex filwaqt li ser tkun ukoll strumentali fir-reklamar ta’ Għawdex bħala destinazzjoni distinta li toffri attrazzjonijiet uniċi f’dan il-qasam.
DiveInside Gozo hija pubblikazzjoni ta’ 200 paġna b’ritratti suġġestivi ta’ siti madwar il-kosta ta’ Għawdex. Din giet stampata bil-lingwa ingliża u ġermaniża. Fl-2011, 18,000 għaddas qattgħu btajjel f’Għawdex u Kemuna. Dan jissarraf fi kważi 25% tat-turisti li ġew Malta biex jgħoddsu. L-indikazzjonijiet huma li ankè din is-sena dan il-qasam baqa’ jikseb riżultati pożittivi li jixhdu wkoll l-impenn kollettiv li sar biex il-qasam tad-diving f’Għawdex ikompli jissaħħaħ. Dan irid ukoll jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta’ inizjattivi oħra li għandhom l-għan li jnaqqsu l-effetti tal-istaġjonalità minħabba li l-istaġun tad-diving jibda minn Mejju u jibqa’ għaddej sa’ Novembru.
L-Onor. Giovanna Debono fissret kif dan huwa wkoll riżultat ta’ sinerġiji li permezz tagħhom ittieħdu inizjattivi u twettqu proġetti li komplew isaħħu s-settur turistiku f’Għawdex fosthom it-twaqqif ta’ Hyperbaric Unit fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li tipproponi lil Għawdex bħala destinazzjoni li toffri aktar sigurtà meta wieħed jiġi biex jitgħallem jew jipprattika dan l-isport.
Matul l-2011 il-Ministeru għal Għawdex ikkoordina diversi inizjattivi oħra li permezz tagħhom sar eżerċizzju intensiv ta’ reklamar ta’ Għawdex bħala destinazzjoni turistika speċifikament f’dan il-qasam. Dan kien jinkludi fost l-oħrajn: promozzjoni online; ix-xandir ta’ reklami fuq numru ta’ stazzjonijiet tar-radju fir-Renju Unit; il-pubblikazzjoni ta’ suppliment ta’ 24 paġna mqassam mar-rivista Unterwasser; parteċipazzjoni f’fieri turistiċi; kif ukoll il-pubblikazzjoni bil-lingwa Franċiża île de Gozo - Faites une pause plongée en Méditerranée li issa ser tiġi tradotta f’ħames lingwi oħra.
Il-Ministru Giovanna Debono faħħret is-sostenn tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’dawn il-proġetti kif ukoll il-kollaborazzjoni tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex flimkien mal-operaturi f’dan il-qasam.
Minbarra xogħlijiet ta’ manutenzjoni, indafa u servizzi oħra fis-siti wżati mill-għaddasa madwar Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex qed jikkordina ħidma biex jiġu żviluppati 10 filmati qosra li jkopru l-attrazzjoniiet diversi ta’ Għawdex f’dan il-qasam. Dawn ser jiġu inklużi fuq siti elettroniċi stabbiliti bħala mezz ta’ pubbliċità. Ser ikun hemm ukoll spazju speċjali dedikat għas-settur tad-diving fuq is-sit elettroniku l-ġdid www.visitgozo.com li mistenni jkun uffiċjalment varat kmieni s-sena d-dieħla.
Stqarrijiet Oħra:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021