WIRJA DWAR IL-BANDIERA MALTIJA U PUBBLIKAZZJONI DWAR IL-BOLOL MILL-BERĠA TA’ KASTILJA WAQT IN-NOTTE BIANCA
Nhar is-Sibt 29 ta’ Settembru, il-pubbliku qiegħed jiġi mistieden biex iżur il-Berġa ta’ Kastilja li se tkun miftuħa waqt il-Lejl Imdawwal.
Din is-sena fis-Sala tal-Ambaxxaturi se titella’ wirja dwar il-bandiera Maltija. Din hija wirja dwar il-bandiera ta' Malta mis-seklu ħmistax sas-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Għall-ewwel darba fi 48 sena, se jkun hemm għal wiri l-bandiera Maltija li ttellgħet fil-lejl tal-Indipendenza fl-1964. Wirja oħra hi dwar il-laqgħa tal-5+5 li se ssir fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru. Il-pubbliku se jkun jista’ jżur ukoll is-Sala tal-Kabinett u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Għal din l-edizzjoni tan-Notte Bianca l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ppubblika ktieb ta’ Trevor Zahra dwar il-bolli ta’ Malta. Dan se jkun qiegħed jitqassam b’xejn mill-Berġa ta’ Kastilja. Dan il-ktieb hu ta’ interess mhux biss għat-tfal iżda anki għall-kollezzjonisti tal-bolli. Kotba oħra li se jitqassmu huma dwar “Il-Bandiera Maltija” u dwar “Il-Berġa ta’ Kastilja”.
Il-kantina tal-Berġa ta’ Kastilja se tkun miftuħa għall-pubbliku u din is-sena se tinfetaħ għall-ewwel darba parti oħra tal-kantina li tagħti għall-Berġa tal-Italja. Fil-kantina se jkun hemm wirja dwar il-valur storiku tal-bini residenzjali.
Kemm quddiem id-daħla tal-Berġa ta’ Kastilja kif ukoll fil-bitħa tal-Berġa ta’ Kastilja se jsiru diversi kunċerti mużikali u strumentali.
It-tfal li jżuru l-Berġa ta’ Kastilja se jkunu jistgħu jieħdu ritratt fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u jingħataw kopja tar-ritratt dak il-ħin stess mingħajr ħlas.
Il-Berġa ta’ Kastilja se tkun miftuħa bejn is-7.30 pm sa tard bil-lejl.
Other Press Releases:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021