Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, MINISTRU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA FIL-KONKLUŻJONI TAL-PROĠETT 'CLOSER TO EUROPE' - 27 TA' SETTEMBRU 2012

pr2097
Date Icon 27/09/2012

Sinjuri,

Kienet opportunita' kbira għall-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali - l-MCESD - meta bl-għajnuna tal-MEUSAC fl-2009 kiseb fondi Ewropej, mill-Fond Soċjali Ewropew, sabiex jibda dan il-proġett bl-isem ta' 'Closer to Europe'.

L-għan aħħari ta' dan il-proġett, li beda fi Frar tal-2010, kien li jinkoraġġixxi aktar djalogu soċjali f'pajjiżna billi jipprovdi informazzjoni aġġornata fuq is-setturi soċjo-ekonomiċi u dawk relatati mal-Unjoni Ewropea, u li din il-ħidma tasal ukoll għand il-pubbliku.

Bla dubju li l-proġett 'Closer to Europe' għen biex id-djalogu pubbliku f’pajjiżna jissaħħaħ, kif ukoll wassal biex Malta tikkontribwixxi fl-istruttura tad-djalogu pubbliku fl-Unjoni Ewropea.  L-objettiv tal-proġett kien li t-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali jiġu kkonsolidati.  Dan sar permezz tat-tliet taqsimiet li fihom kien imqassam dan il-proġett, jiġifieri, r-riċerka, it-taħriġ u l-kampanja ta' għarfien lill-pubbliku.

Il-proġett ‘Closer to Europe’ għen lill-imsieħba soċjali u lill-għaqdiet fis-soċjeta' ċivili ikabbru l-għarfien tagħhom dwar l-Unjoni Ewropea u dwar l-istrateġija EU 2020. Fit-twettiq ta' din l-istrateġija, li tkopri aspetti differenti tas-soċjeta', id-djalogu pubbliku għandu rwol importanti ħafna.

Il-konklużjonijiet tal-proġett huma nkoraġġanti għaliex l-istudju li sar jikkonferma kif il-Maltin iridu li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali fid-djalogu pubbliku. Għaliex b'din il-parteċipazzjoni qed tkompli tasal il-vuċi tagħhom meta jridu jittieħdu d-deċiżjonijiet 'l aktar importanti.

Is-soċjeta’ ċivili fehmet l-importanza tal-proġett ‘Closer to Europe’ tant li l-parteċipazzjoni kienet b’saħħitha ħafna. Għas-sessjonijiet ta' taħriġ li saru attendew 240 parteċipant.  Ħafna minnhom attendew għal aktar minn sessjoni waħda. B'kollox saru 12-il sessjoni fejn saru diskussjonijiet li wasslu għal għarfien aħjar tal-iżviluppi fil-qasam tad-diskussjoni pubblika u soċjali fl-Unjoni Ewropea.

Saret ukoll kampanja ta' għarfien tax-xogħol fi ħdan il-MCESD, li għenet fit-tisħiħ tad-djalogu. Din il-kampanja kienet waħda mifruxa f'aspetti differenti tal-komunikazzjoni u laħqet setturi differenti tas-soċjeta' u għenet biex il-pubbliku jinforma ruħu aħjar fuq kif jopera l-Kunsill u r-rwol importanti li dan għandu fid-djalogu pubbliku. Jirriżulta li l-għan intlaħaq hawnhekk ukoll għaliex żdied in-numru tal-persuni li żaru s-sit elettroniku tal-MCESD, biex jiksbu għarfien akbar u aħjar tar-rwol importanti li dan għandu fis-soċjeta’ tagħna.

L-MCESD huwa Kunsill li jaġħti l-pariri u għandu rwol konsultattiv.  Fis-snin li għaddew għen mhux ftit biex jitjieb id-djalogu u jkun involut fid-diskussjonijiet dwar affarijiet importanti li jkunu qed jiġru fil-pajjiz u għalhekk ukoll il-Gvern jikkonsulta miegħu regolarment.

L-MCESD issa ilu mwaqqaf 19-il sena u l-Liġi tal-MCESD ilha li għaddiet 10 snin. Sa' minn meta twaqqaf, dan il-Kunsill ħadem biex saru bidliet kbar u importanti f'pajjiżna, liema tibdil dejjem sar bi qbil – b’kunsens - bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali.

F’Mejju li għadda ressaqna fil-Parlament abbozz ta' liġi li emenda l-liġi tal-MCESD.  Permezz ta’ dawn l-emendi il-FORUM Unions Maltin, rappreżentanza tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex u tal-Kumitat tas-Soċjeta' Ċivili, issieħbu fi ħdan il-Kunsill tal-MCESD.

B'dawn ir-riformi, l-MCESD kontinwament jaħdem biex ikun l-ikbar katalist effettiv bejn l-imsieħba soċjali. L-għan aħħari hu dak li wara konsultazzjonijiet li jsiru fi ħdan il-Kunsill, jingħataw rakkomandazzjonijiet sodi u konkreti dwar materji soċjo-ekonomiċi lill-Gvern qabel isiru riformi jew jittieħdu miżuri ta' rilevanza nazzjonali.

Din il-konsultazzjoni ssir b'laqgħat fejn l-għan ikun li jiġu mfassla deċiżjonijiet dwar aspetti tal-iggvernar ekonomiku u tax-xogħol fuq livell nazzjonali, fl-aħjar interess tal-ħaddiema u tal-industrija f'pajjiżna. L-MCESD qed jgħin ukoll biex ikollna klima industrijali kwieta u b'hekk tissaħħaħ fl-aħjar interess tal-ħaddiema u l-familji tagħhom. Din il-klima qed tgħin biex ikompli jiżdied l-investiment kbir fil-qasam tax-xogħol għall-ġid tal-ħaddiema.

Li d-djalogu mal-imsieħba soċjali f’pajjiżna huwa b’saħħtu ħafna deher biċ-ċar fil-kuntest tal-kriżi ekonomika internazzjonali. Meta fl-2008 pajjiżna kien se jibda jħoss l-iskossi tal-kriżi internazzjonali, il-Gvern u l-imsieħba soċjali ħadmu bis-sħiħ flimkien biex ġew salvati 5,000 post tax-xogħol.  B’hekk salvajna l-futur ta’ 5,000 familja. Barra minn hekk matul dawn l-aħħar 4 snin ħloqna 20,000 post tax-xogħol ġdid.  Il-Gvern għamel il-parti tiegħu biex dan kien possibbli, iżda żgur li anki l-imsieħba soċjali għandhom il-mertu tagħhom għall-klima industrijali li bejniethom irnexxilhom joħolqu u jżommu.

Gvern u imsieħba soċjali, ilkoll flimkien, fhimna li spiċċa ż-żmien tat-tisbit fuq il-mejda u l-għebusija tar-ras. Dak iż-żmien għadda u mar u nittamaw li ma jerġax jitfaċċa.  Illum jiddomina l-ispirtu tal-konsultazzjoni u tad-djalogu, biex kemm il-partijiet ċivili li jirrappreżentaw partijiet differenti tas-soċjeta' kif ukoll il-pubbliku jkun parteċipi u wieħed jifhem id-diffikultajiet li l-ieħor ikun qed jgħaddi minnhom. Dan hu l-proċess demokratiku, li f’pajjiżna qed ikompli jilħaq il-maturita' tiegħu.

Mir-riżultati tar-riċerka, li saret bħala parti mill-proġett 'Closer to Europe', jirriżulta li l-Maltin jgħożżu u jħaddnu sew id-demokrazija u l-pubbliku jridu u qed ikompli jaspiraw li din tkompli tiġi mplimentata fl-aspetti kollha tagħha u fil-livelli kollha tas-soċjeta' fejn tinkluwenza l-ħajja tagħna ta' kuljum.

Il-Gvern ukoll jemmen bis-sħiħ li d-djalogu huwa proċess demokratiku u għalhekk ser ikompli jaħdem biex dan jissaħħaħ. Bla dubju, filwaqt li d-djalogu pubbliku f'Malta hu wieħed b'saħħtu dejjem jibqgħu numru ta' sfidi ġodda li għandhom mill-banda l-oħra jissarrfu f'opportunitajiet ġodda.

Hawnhekk irrid nirringrazzja lill-MCESD u r-rappreżentanti kollha fi ħdan dan il-Kunsill u li qed jagħtu kontribut ferm importanti lis-soċjeta' Maltija. Ħajr ukoll liċ-Ċermen Dr Sonny Portelli, lis-Segretarju Eżekuttiv Sylvia Gauci, lill-project leader Adriana Chircop u l-istaff kollhu. Nirringrazzja wkoll lill-MEUSAC, li għenet lill-MCESD biex inkisbu fondi Ewropej għal dan il-proġett.

'Closer to Europe' hija storja ta' suċċess li ħalliet elementi pożittivi għat-tisħiħ tad-djalogu pubbliku u fetħet ukoll opportunitajiet ġodda biex l-MCESD jibda jibbenefika minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  Il-Mediterranean Tourism Foundation tiltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela

PR262021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Il-Mediterranean Tourism Foundation t...

Aktar Stqarrijiet Right arrow