AKTAR INVESTIMENT F’ZONI RURALI – HERITAGE TRAIL F’HAD DINGLI
Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino, l-Assistant Parlamentari Philip Mifsud flimkien ma’ Paolo de Castro, Chair tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Agrikoltura u l-Iżvillup Rurali, żaru żona rurali f’Ħad-Dingli. Hawnhekk de Castro seta jesperjenza hu wkoll l-bżonnijiet u l-isfidi li l-agrikoltura Maltija tiffaċċja minħabba l-aċċess diffiċli għall-ilma, il-frammentazzjoni tal-għelieqi, il-ħamrija baxxa, id-diżlivelli tal-għelieqi anki l-fatt li ħafna drabi huma mtarġin li jesponihom għal-aktar erożjoni. De Castro fisser li fehem aħjar id-diffikultajiet li l-bdiewa Maltin u Għawdxin jħabbtu wiċċhom magħhom u saħaq li r-riforma tal-politika agrikola komuni trid tara li żżomm il-pakkett ta’ għajnuna għaż-żoni żvantaġġjati filwaqt li tipprovdi soluzjonijiet biex l-agrikoltura fl-Unjoni Ewropea tibqa’ tkun waħda sostenibbli. De Castro żied jgħid li l-irwol il-ġdid tal-Parlament Ewropew hekk kif ġie stabbilit mit-trattat ta’ Lisbona, ser jagħti leħen iżjed sod sabiex il-ħlasijiet lill-bdiewa fiż-żoni żvantaġġjati jiġu mħarsa.
Il-Ministru Pullicino filwaqt li rringrazzja lil Paolo de Castro għaż-żjara tiegħu saħaq li dan hu moment storiku fejn f’pajjiżna qed jiltaqgħu għall-ewwel darba waqt konferenza tac-CIHEAM (International Centre for Advanced Mediterranean Agronomic Studies,), żewġ Kummissarji Ewropej, ic-Chairperson tal- Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Agrikoltura u l-Iżvillup Rurali u għaxar Ministri tal-Agrikoltura minn pajjiżi tal-Mediterran flimkien.
Intant waqt din iż-żjara fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli l-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino ħabbar li bħala parti mill-Pjan għall-Iżvillup Rurali se tinħoloq mgħodija, biex b’hekk issir mixja ma’ ġenb l-irdum fuq tul ta’ kwazi żewġ kilometri. Din il-mgħodija li se tkun aċċessibbli għal kulħadd, se twassal biex il-Maltin u t-turisti li jżuru dan il-post ikunu jistgħu igawdu l-veduti spettakolari li dan il-post joffri f’ambjent aktar sikur.
Minn fuq l-irdum wieħed jista japprezza wkoll il-gżira ta’ Filfla – riserva naturali. L-irdum ta’ Had Dingli huwa destinazzjoni importanti għall-viżitatur għax joffri valur naturali, valur ta’ paesagg u valur kulturali bħalma hi l-kappella ta’ Santa Maria Magdala li reġgħet inbniet f’tarf l-irdum fil-1646. L-irdum huwa sit ta’ importanza ekologika u ta’ importanza xjentifika u għaldaqstant proġett taħt il-liġi bħala sit Natura 2000.
Bħala parti mill-proġett ser jitwahhlu ukoll pannelli bl-informazzjoni sabiex il-viżitatur isib tagħrif fuq l-importanza sħiħa ta’ dan il-post sew minn aspetti naturali, ġeoloġiċi, ekoloġiċi kif ukoll kulturali. Ser jiġu pprovduti ukoll facilitajiet għall-viżitaturi għar-rimi tal-iskart u xi bankijiet sabiex wieħed ikun jista’ joqghod bilqegħda u japprezza u jgawdi dan l-ambjent.
Dan il-proġett ser jiswa madwar nofs miljun ewro u hu ko-iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali 2007-2013 – L-Ewropa Tinvesti f’Żoni Rurali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021