Left arrow Mur Lura

AKTAR FAĊILITAJIET GĦALL-ISTUDENTI FL-ISKEJJEL GĦAWDXIN

pr2081
Date Icon 26/09/2012

“Ankè din is-sena l-istudenti Għawdxin ser ikunu qed igawdu minn faċilitajiet ġodda fl-iskejjel tagħhom bħala riżultat ta’ programm intensiv ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ li reġa’ kien għaddej f’għadd ta’ skejjel f’Għawdex matul dan is-sajf, bil-għan li jkomplu jipprovdu ambjenti u faċilitajiet moderni u attraenti.”

Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex filwaqt li faħħret l-impenn tal-ħaddiema kollha li jaħdmu fis-settur edukattiv f’Għawdex. Impenn li jissarraf f’servizzi edukattivi mill-aqwa li kull ma jmur qed jissarfu f’aktar riżultati pożittivi u f’żieda kostanti ta’ studenti Għawdxin li jkomplu bl-istudji terzjarji u vokazzjonali tagħhom. Hi qalet li tingħaqad mal-ġenituri fl-entużjażmu li jaraw lil uliedhom javvanzaw fl-edukazzjoni tagħhom.  L-impenn tal-Gvern hu li jkompli jinvesti f’edukazzjoni ta’ kwalità għolja għat-tfal u ż-żgħażagħ.

“Minbarra titjib fl-istrutturi, illum il-klassijiet u l-laboratorji fl-iskejjel tagħna huma mgħammra b’apparat tekniku li jinkludi interactive whiteboards, kompjuters u attrezzi oħra li jiffaċilitaw it-tagħlim b’mod aktar interessanti u innovattiv,” saħqet il-Ministru Giovanna Debono waqt żjara li għamlet fl-iskola Primarja ta’ Sannat.

Din l-iskola tinkludi wkoll l-iSpecial Unit li preżentament qed tilqa’ studenti bi bżonnijiet speċjali filwaqt li tkopri wkoll assistenza mogħtija lil studenti oħra li jattendu skejjel oħra fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex. Din l-iskola hija kkunsidrata bħala ċentru ta’ riżorsi li llum ġie attrezzat b’apparat tekniku u modern flimkien ma’ riżorsi umani kompetenti li joffru faċilitajiet u servizzi professjonali lil dawn l-istudenti u lill-ġenituri tagħhom. Fuq kollox jiġi mħaddem b’mod prattiku l-kunċett ta’ edukazzjoni inklużiva fejn studenti b’abiltajiet u kompetenzi differenti jitgħallmu u jilagħbu flimkien f’ambjenti akkoljenti li joffru wkoll sigurtà.

Il-Ministru kompliet tfisser kif ix-xogħlijiet li kienu għaddejjin fl-iskejjel matul is-sajf kienu jinkludu wkoll dawk marbutin mal-proġett Alter Aqua li qed jiġi koordinat mill-Global Water Partnership flimkien mal-Ministeru għal Għawdex bħala parti mill-proġett ekoGħawdex. Permezz ta’ dan il-proġett inbnew ġibjuni ġodda għall-ħażna tal-ilma tax-xita fl-iskejjel tal-Gvern filwaqt li ġew irranġati wkoll ġibjuni qodma. Dan ser ikun qed iżid l-potenzjal tal-ħażna tal-ilma f’dawn l-iskejjel b’madwar 900 metru kubu filwaqt li jservi wkoll bħala eżerċizzju ta’ sostenibilità fir-rigward tar-riżors tal-ilma.

Hekk kif ingħata bidu għal sena skolastika oħra, din il-ġimgħa 2,727 student bdew jattendu klassijiet fi ħdax-il skola primarja u żewġ skejjel sekondarji fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex. Barra minhekk 1,359 student ieħor bdew sena skolastika oħra f’erba’ skejjel primarji u żewġ skejjel sekondarji immexxija minn istituzzjonijiet tal-Knisja f’Għawdex. Fl-istess waqt 250 studenti żgħażagħ qed ikomplu bl-istudji tagħhom fiċ-Ċentru għal Studji Ogħla Sir MA Refalo . Dan in-numru mistenni jiżdied hekk kif l-applikazzjonijiet għall-korsijiet offruti f’dan iċ-ċentru ser ikunu għadhom jintlaqgħu sa nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Settembru.

Sadanittant bdiet ukoll l-attività fi tlett skejjel speċjalizzati li joffru tagħlim u attivitajiet wara l-ħin normali tal-iskola f’Għawdex. Dawn jinkludu l-iskola tad-Drama fejn s’issa ġew irreġistrat 320 student; l-iskola tal-mużika li qed tilqa’ 436 student ieħor u ċ-Ċentru tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri li s’issa irċieva 1,530 applikazzjoni.

Fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex hemm impjegati fost l-oħrajn:
• 15 il-Kap tal-iskola
• 17 Assistenti Kapijiet
• 364 għalliem flimkien ma’ 5 għalliema fl-Ispecial unit f’Ta’ Sannat
• 64 peripatetic teachers
• 126 Learning Support Assistants flimkien ma’ 11 oħra fl-Ispecial unit f’Ta’ Sannat
• 36 Kindergarten Assistants

Dan minbarra għadd ta’ edukaturi oħra li jaħdmu fl-iskejjel tal-knisja f’Għawdex.

Jiġu koordinati servizzi ta’ trasport għal 16-il lokalità lil aktar minn 1000 student li jattendu l-iskejjel sekondarji kif ukoll madwar 50 student tal-iskejjel primarji.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  Il-Mediterranean Tourism Foundation tiltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela

PR262021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Il-Mediterranean Tourism Foundation t...

Aktar Stqarrijiet Right arrow