OPPORTUNITAJIET GĦALL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ
Il-Gvern qed jipprovdi l-faċilitajiet, l-opportunitajiet u s-servizzi neċessarji biex il-persuni b’diżabilità jilħqu l-milja tagħhom u jkunu wkoll parteċipi fl-iżvilupp tal-pajjiż.
Dan qalu l-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said meta dalgħodu nieda wirja dwar is-servizzi offruti f’pajjiżna minn diversi entitajiet fil-qasam tal-persuni b’diżabilità. Il-wirja li qed issir fiċ-Ċentru Aċċess tal-Belt, hi parti mill-attivitajiet li qed jittellgħu mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mit-twaqqif tagħha u li jinkludu wkoll open days f’faċilitajiet u entitajiet li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità.
Il-Ministru Chris Said qal li l-Gvern qed jaħdem fuq diversi binarji sabiex jassigura li l-persuni b’diżabilità mhux se jintegraw irwieħhom aħjar fis-soċjetà iżda wkoll sabiex il-pajjiż igawdi mill-ħiliet u mill-abbiltajiet tagħhom.
Hu qal li permezz tal-ETC il-Gvern qed jinkoraġixxi aktar persuni b’diżabilità jattendu programmi ta’ taħriġ. Dan isir permezz tal-proġetti Work Trial Scheme u Bridging the Gap li huma ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea. Matul il-Work Trial Scheme, persuni b’diżabilità intellettwali iqattgħu 20 siegħa fil-ġimgħa fuq il-post tax-xogħol għal tlettax-il ġimgħa. Barra l-esperjenza li jiksbu matul dan il-perjodu, ikunu qed jirċievu wkoll allowance ta’ 50% tal-paga minima. Min-naħa l-oħra, il-persuni b’diżabilità li jipparteċipaw fil-proġett Bridging the Gap jirċievu allowance ta’ 80% tal-paga minima għal ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol. Hu rrefera wkoll għall-proġett suċċess ME2, immexxi mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, li mhux biss laħaq 420 persuna b’diżabilità talli minnu llum twieldet koperattiva soċjali li qed tieħu xogħol kemm miingħand is-settur pubbliku kif ukoll mingħand kumpaniji privati. Il-Ministru Said ta wkoll dettalji dwar l-iskema tax-xogħol għall-persuni b’diżabilità fil-Kunsilli Lokali. Il-mira ta’ din l-iskema hi li 80 persuna b’diżabilita’ jibdew jaħdmu mal-Kunsilli Lokali b’kuntratt ta’ 3 snin.
Dwar l-opportunitajiet għall-persuni b’diżabilità fil-qasam tal-edukazzjoni, il-Ministru Said qal li Malta qiegħda fuq quddiem nett f’dan il-qasam b’0.3% biss tal-istudenti bi bżonnijiet speċjali li qegħdin jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fi skejjel segragati barra mill-mainstream. Il-medja tal-Unjoni Ewropea hi ta’ 2.3%. Il-ħidma tal-Gvern fejn tidħol edukazzjoni inklussiva fil-mainstream qed tħalli l-frott tagħha partikolarment bl-investiment qawwi f’tekonoloġija assistiva u assistenza permezz ta’ LSAs fl-iskejjel. Semma wkoll li f’Malta u f’Għawdex għandna 2,029 Learning Support Assistant (LSA) li qegħdin joffru assistenza lil 3,231 tifel u tifla. Barra minn hekk studenti b’diżabilità jistgħu jgawdu minn għotjiet addizzjonali meta jieħdu boroż ta’ studju.
Il-Ministru Said fakkar li il-familji li għandhom tfal b’diżabilità ingħataw żieda ta’ 40 fil-mija fil-ġimgħa fl-allowance għal kull tifel jew tifla b’diżabilità. Tneħħa t-test tal-mezzi biex it-tfal kollha b’diżabilità jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-għajnuna. Minn din is-sena, persuni b’diżabilità li jirċievu pensjoni tad-diżabilità, jistgħu jaħdmu u jaqilgħu sal-paga minima bla ma jitilfu xejn mill-pensjoni tagħhom.
Barra minn hekk miżura mħabbra fl-2007 fejn persuna b'diżabilità li tiżżewweġ ma jkollhiex id-dħul tal-konjugi kkunsidrat għat-test tal-mezzi biex tikkwalifika għal pensjoni tad-diżabilità fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ issa inbidlet biex id-dħul tal-konjugi ma jiġi kkunsidrat qatt. B'hekk persuna b'diżabilità li bbenefikat minn din il-miżura fl-2007 ser tibqa' tgawdi l-pensjoni b'diżabilità irrispettivament mid-dħul tal-konjuġi.
Iċ-Chairperson tal-KNPD Joe Camilleri ta d-dettalji dwar l-attivitajiet li qed jittellgħu fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mit-twaqqif tal-Kummissjoni. Fost l-oħrajn din il-ġimgħa l-pubbliku jista’ jżur Dar il-Kaptan fl-Imtarfa, l-Inspire f’Bulebel, f’Marsaskala u f’Għajnsielem, u ċ-Ċentru għal Ħajja Indipendenti Sonia Tanti f’Ħal Far. Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jċempel fuq 22486211/22788555.
Stqarrijiet Oħra:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021