Left arrow Go Back

OPPORTUNITAJIET GĦALL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ

pr2078
Date Icon 26/09/2012

Il-Gvern qed jipprovdi l-faċilitajiet, l-opportunitajiet u s-servizzi neċessarji biex il-persuni b’diżabilità jilħqu l-milja tagħhom u jkunu wkoll parteċipi fl-iżvilupp tal-pajjiż.

Dan qalu l-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said meta dalgħodu nieda wirja dwar is-servizzi offruti f’pajjiżna minn diversi entitajiet fil-qasam tal-persuni b’diżabilità. Il-wirja li qed issir fiċ-Ċentru Aċċess tal-Belt, hi parti mill-attivitajiet li qed jittellgħu mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mit-twaqqif tagħha u li jinkludu wkoll open days f’faċilitajiet u entitajiet li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità.

Il-Ministru Chris Said qal li l-Gvern qed jaħdem fuq diversi binarji sabiex jassigura li l-persuni b’diżabilità mhux se jintegraw irwieħhom aħjar fis-soċjetà iżda wkoll sabiex il-pajjiż igawdi mill-ħiliet u mill-abbiltajiet tagħhom.

Hu qal li permezz tal-ETC il-Gvern qed jinkoraġixxi aktar persuni b’diżabilità jattendu programmi ta’ taħriġ. Dan isir permezz tal-proġetti Work Trial Scheme u Bridging the Gap li huma ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea.  Matul il-Work Trial Scheme, persuni b’diżabilità intellettwali iqattgħu 20 siegħa fil-ġimgħa fuq il-post tax-xogħol għal tlettax-il ġimgħa. Barra l-esperjenza li jiksbu matul dan il-perjodu, ikunu qed jirċievu wkoll allowance ta’ 50% tal-paga minima. Min-naħa l-oħra, il-persuni b’diżabilità li jipparteċipaw fil-proġett Bridging the Gap jirċievu allowance ta’ 80% tal-paga minima għal ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol. Hu rrefera wkoll għall-proġett suċċess ME2, immexxi mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, li mhux biss laħaq 420 persuna b’diżabilità talli minnu llum twieldet koperattiva soċjali li qed tieħu xogħol kemm miingħand is-settur pubbliku kif ukoll mingħand kumpaniji privati.   Il-Ministru Said ta wkoll dettalji dwar l-iskema tax-xogħol għall-persuni b’diżabilità fil-Kunsilli Lokali.  Il-mira ta’ din l-iskema hi li 80 persuna b’diżabilita’ jibdew jaħdmu mal-Kunsilli Lokali b’kuntratt ta’ 3 snin.

Dwar l-opportunitajiet għall-persuni b’diżabilità fil-qasam tal-edukazzjoni, il-Ministru Said qal li Malta qiegħda fuq quddiem nett f’dan il-qasam b’0.3% biss tal-istudenti bi bżonnijiet speċjali li qegħdin jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fi skejjel segragati barra mill-mainstream. Il-medja tal-Unjoni Ewropea hi ta’ 2.3%. Il-ħidma tal-Gvern fejn tidħol edukazzjoni inklussiva fil-mainstream qed tħalli l-frott tagħha partikolarment bl-investiment qawwi f’tekonoloġija assistiva u assistenza permezz ta’ LSAs fl-iskejjel. Semma wkoll li f’Malta u f’Għawdex għandna 2,029 Learning Support Assistant (LSA) li qegħdin joffru assistenza lil 3,231 tifel u tifla. Barra minn hekk  studenti b’diżabilità jistgħu jgawdu minn għotjiet addizzjonali meta jieħdu boroż ta’ studju.

Il-Ministru Said fakkar li il-familji li għandhom tfal b’diżabilità ingħataw żieda ta’ 40 fil-mija fil-ġimgħa fl-allowance għal kull tifel jew tifla b’diżabilità. Tneħħa t-test tal-mezzi biex it-tfal kollha b’diżabilità jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-għajnuna. Minn din is-sena, persuni b’diżabilità li jirċievu pensjoni tad-diżabilità, jistgħu jaħdmu u jaqilgħu sal-paga minima bla ma jitilfu xejn mill-pensjoni tagħhom.

Barra minn hekk miżura mħabbra fl-2007 fejn persuna b'diżabilità li tiżżewweġ ma jkollhiex id-dħul tal-konjugi kkunsidrat għat-test tal-mezzi biex tikkwalifika għal pensjoni tad-diżabilità fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ issa inbidlet biex id-dħul tal-konjugi ma jiġi kkunsidrat qatt.  B'hekk persuna b'diżabilità li bbenefikat minn din il-miżura fl-2007 ser tibqa' tgawdi l-pensjoni b'diżabilità irrispettivament mid-dħul tal-konjuġi.

Iċ-Chairperson tal-KNPD Joe Camilleri ta d-dettalji dwar l-attivitajiet li qed jittellgħu fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mit-twaqqif tal-Kummissjoni. Fost l-oħrajn din il-ġimgħa l-pubbliku jista’ jżur Dar il-Kaptan fl-Imtarfa, l-Inspire f’Bulebel, f’Marsaskala u f’Għajnsielem, u ċ-Ċentru għal Ħajja Indipendenti Sonia Tanti f’Ħal Far. Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jċempel fuq 22486211/22788555.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  Il-Mediterranean Tourism Foundation tiltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela

PR262021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Il-Mediterranean Tourism Foundation t...

More Press Releases Right arrow