2,500 TEST B’XEJN F’ATTIVITAJIET DWAR L-GĦARFIEN DWAR IS-SAĦĦA F’GĦAWDEX
Għadd konsiderevoli ta’ Għawdxin u anke Maltin, ikkonkorrew bi ħġarhom għall-attività ta’ għarfien dwar is-saħħa, imtellgħa fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, mill-Kumitat għall-Ħarsien tas-Saħħa fi ħdan l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Din l-attività kienet mifruxa fuq in-nofstanhar ta’ filgħodu tal-Ġimgħa 21 ta’ Settembru u ttellgħet f’Kumpless Kummerċjali fir-Rabat Għawdex.
Is-servizzi li ngħataw lill-pubbliku matul din l-attività, kienu jinkludu testijiet tal-pressjoni tad-demm u l-pressjoni intraokulari, dawk tal-livell ta’ zokkor fid-demm, kif ukoll iċċekkjar tal-Body Mass Index (BMI) relatata mal-piż. B’kollox f’temp ta’ erba’ sigħat saru 755 test filwaqt li ngħataw pariri dwar kif wieħed jista’ jnaqqas il-piż.
Din hija r-raba’ darba din is-sena li f’Għawdex ittellgħet attività ta’ din in-natura, fejn f’erba’ attivitajiet bejn Marzu u Settembru saru madwar 2,500 test b’xejn ’il barra mill-ħitan tal-Isptar. Minbarra t-testijiet imsemmija, ingħataw ukoll pariri ta’ fiżjoterapista b’enfasi fuq l-aħjar pożizzjonijiet biex tiġi evitata ħsara fid-dahar u oħrajn dwar il-kura tas-snien u dik orali. Barra minn hekk intlaqgħu wkoll applikazzjonijiet għal donaturi ġodda tal-organi filwaqt li saru wkoll sessjonijiet tal-għoti tad-demm.
Dawn l-attivitajiet jiġu organizzati b’mod volontarju minn grupp ta’ impjegati miċ-Ċentri tas-Saħħa u oħrajn li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li fil-ħin liberu tagħhom jagħżlu li joffru dan is-servizz lill-pubbliku. Ġeneralment dawn jittellgħu fi btajjel pubbliċi jew fi ġranet oħra li jkunu mistennija jattiraw aktar Maltin lejn Għawdex.
Fil-jiem li għaddew, waqt iċ-ċerimonja tal-Premju Ħaddiem tas-Sena tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Kumitat għall-Ħarsien tas-Saħħa ngħata rikonoxximent għal din il-ħidma sfieqa u ġie onorat bil-Premju Tim tas-Sena.
Il-Ministeru għal Għawdex ifaħħar lill-impjegati u lill-membri ta’ dan il-kumitat, għall-inizjattiva u l-ħidma kontinwa tagħhom, li jixhdu l-impenn li bih jipprovdu servizzi fl-Isptar t’Għawdex u l-interess li jippromwovu prattiċi tajbin għas-saħħa. Is-suċċess ta’ dawn l-attivitajiet f’Għawdex huma xhieda wkoll ta’ kemm il-poplu qed isir aktar konxju ta’ saħħtu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021