DISKORS MILL-ONOR. AUSTIN GATT, MINISTRU GĦALL-INFRASTRUTTURA, TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI, WAQT IĊ-ĊELEBRAZZJONI TAL ĦAMES ANNIVERSARJU MINN META 6PM SSIEĦBU FIL-BORŻA TA’ MALTA – SAN ĠILJAN – IT-TLIETA 25 TA’ SETTEMBRU 2012
Dan il-Gvern minn dejjem stinka sabiex jattira investiment minn kumpaniji lokali u barranin; b’mod speċjali mis-settur tal-ICT. Kuntent li kumpanija lokali 6PM, kumpanija li bdiet u nibtet f’Malta tilħaq mira bħal din. Kif bosta minnkom tafu, d-deċiżjoni li imprenditur jagħżel li l-kumpanija tiegħu jew tagħha tibda tagħmel parti mill-Borża mhijiex deċiżjoni faċli. Ivan Bartolo u t-tim tiegħu mhux biss irnexxilhom jissieħbu mal-Borża ta’ Malta iżda rnexxilhom ukoll joħorġu s-shares sabiex ikunu jistgħu jikbru u jissaħħu aktar.
Suċċess bħal dan ma jservix biss ta’ gwadan għal din il-kumpanija – iżda jservi ukoll bħala inkoraġġiment għal impredituri oħrajn. Is-suċċess ta’ kumpaniji f’Malta jservi għal tkabbir ekonomiku, aktar postijiet tax-xogħol, u anki ta’ stimolu għar-riċerka u l-innovazzjoni.
Pero rridu nkunu intelliġenti u nifhmu li bħal kif magna hija mgħamula minn partijiet differenti, hekk ukoll l-operat tas-suq – kull aspett huwa neċessarju sabiex niksbu suċċess għall-pajjiżna. Sabiex nattiraw aktar investiment lokali u barrani rridu noffru inċentivi finanzjarji, noffru l-infrastruttura neċċessarja u nġibu flimkien l-aspetti ta’ ekonomija b’saħħitha. Qabel ma kumpanija tinvesti, din tħares lejn l-iżvillup u l-kompetittività ta’ dak il-pajjiż – inkluż il-ħaddiema.
Irridu allura nistinkaw sabiex noffru l-ħiliet marbutin mal-ICT u l-impredintorija li dawn il-kumpaniji għandhom bżonn kemm illum, għada u anki fis-snin li ġejjin. Jekk irridu li s-suq tax-xogħol ikompli jikber irrid ikollna l-ammont u l-kwalità ta’ ħiliet li dawn il-kumpaniji għandhom bżonn. B’hekk mhux biss jinħolqu postijiet tax-xogħol ġodda iżda ntejbu ukoll il-livell tal-postijiet tax-xogħol diġà eżistenti.
Matul is-snin għamilna l-għalmu tagħna biex inżidu l-opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ lil kullħadd – permezz ta’ skemi bħall-MyPotential, li llum saret Get Qualified, għamilna possibli għal eluf ta’ studenti sabiex jieħdu lura ammont sostanzjali mill-ispejjeż tal-kors tagħhom hekk kif jiggradwaw. Permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea offrejna tliet diplomas fl-ICT – is-Second Step – u aktar kmien dan ix-xahar kien hemm 138 raġel u mara li ggradwaw u daħlu fis-suq tax-xogħol b’titlu ġdid – dak ta’ ICT professional. Ser ikollna opportunitajiet simili anke fil-futur qarib. In-numru ta’ gradwati fl-ICT mill-MCAST u mill-Università żdiedu sena wara sena. Bejn l-2010 u l-2011 kien hemm żieda ta’ aktar minn 20% fin-numru ta’ gradwati fl-ICT li wassal biex fl-2011 kien hemm kwazi 3,050 gradwat. Minn dawn, 38% gradwaw f’livell 4 (A-Level jew Diploma); 19% gradwaw f’livell 5 (higher national Diploma); 38% gradwaw f’livell 6 (Bachelors) u 5% ġabu masters jew post-graduate diploma.
L-industrija tal-ICT qed tikber madwar id-dinja kollha u xejn inqas f’Malta. Skont statistika tal-NSO fl-aħħar sena l-industrija tal-ICT f’Malta kibret b’iżjed minn €22 miljun ewro, biex ma nsemmux tkabbir ieħor fosthom fis-settur tal-gaming, dak tal-interactive media u setturi oħra.
Ejja ma ninsewx li llum il-professjonisti fl-ICT m’għadx għadek issibhom biss f’kumpaniji tal-ICT. Illum kumpaniji minn kull settur tal-ekonomija qiegħdin joħolqu rwoli ġodda u strateġiċi għal dawn il-professjonisti. Dan ifisser li dak li għamilna s’issa m’huwiex biżżejjed u għandna iktar pjanijiet ta’ attivitajiet u proġetti li rridu nkomplu nsostnu.
Ngħalaq billi nifraħ lil 6PM għal anniversarju tagħhom u nħeġġeġ lilhom u kumpaniji simili sabiex ikomplu jemmnu fil-potenzjal tagħhom u b’determinazzjoni jimxu aktar ’l quddiem għal ġid tagħhom u ta’ pajjiżna.
Grazzi
Stqarrijiet Oħra:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021