TIĠI FI TMIEMHA S-7 EDIZZJONI TAL-FESTIVAL INTERNAZZJONALI TAL-FOLK FIL-QALA
Ilbieraħ filgħaxija ġew fi tmiemhom erbat ijiem ta’ folklor u tradizzjonijiet li lewnu l-lokalità tal-Qala fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet permezz tal-Festival Internazzjonali tal-Folk. Dan il-festival ittella’ għas-seba’ sena konsekuttiva mill-Grupp Folkloristiku Menhir tal-Qala u l-Kunsilli Lokali tal-istess lokalità.
Attività ewlenija li bdiet tiġi organizzata f’dawn l-aħħar tliet snin hija konferenza internazzjonali bil-parteċipazzjoni tal-membri tal-gruppi barranin li jkunu mistiedna biex jieħdu sehem f’dan il-festival. It-tema magħżula għal din is-sena kienet Gozo Heritage in Stone (2) – A Focus on Rural and Vernacular Architecture. Dan wara li s-sena l-oħra l-preżentazzjonijiet iffukaw fuq wirt arkitettoniku monumentali u fortifikazzjonijiet f’Għawdex.
Waqt l-għeluq ta’ din il-konferenza, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex irreferiet għal dan il-festival bħala avveniment prestiġġjuż li jiċċelebra l-wirt kulturali ta’ Għawdex, b’dinjità u kburija. Filwaqt li faħħret l-impenn u l-ħidma ta’ dawk kollha involuti fl-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment annwali, fissret kif dan il-festival qed jattira interess fuq bażi reġjonali u nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali permezz tal-parteċipazzjoni ta’ gruppi barranin. Dan jirriżulta wkoll bħala dimostrazzjoni prattika ta’ djalogu internazzjonali fejn komunitajiet diversi jaqsmu l-informazzjoni, il-ħbiberiji u l-esperjenzi kulturali tagħhom.
L-Onor. Giovanna Debono fissret kif minbarra li jkompli jnissel sens ta’ apprezzament u kburija dwar il-patrimonju storiku fost il-poplu Għawdxi, dan il-festival huwa wkoll eżerċizzju validu fil-promozzjoni ta’ Għawdex bħala destinazzjoni turistika kemm fis-suq domestiku kif ukoll f’dak barrani. Hija spjegat kif dan il-festival ġie wkoll estiż għal Malta permezz ta’ parteċipazzjoni tal-gruppi barranin f’attivitajiet f’Marsascala u f’San Ġiljan. Dan jagħti dimensjoni aktar wiesgħa u valur miżjud li jgħin biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin marbuta mal-organizzazzjoni ta’ dan il-festival li għandhom l-għan li jattiraw aktar turisti f’xhur li huma kkunsidrati bħala anqas popolari. ‘In-natura tal-festival internazzjonali tal-folk timxi id f’id mal-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex fir-rigward ta’ waħda mill-miżuri marbuta mal-viżjoni ekoGħawdex, dik li jiġu kkonservati u ppreservati l-karatteristiċi ewlenin li jsawru l-identità distinta ta’ Għawdex’ żiedet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena flimkien mal-Grupp Folkloristiku Menhir tal-Qala pparteċipaw ukoll il-Folk Dance Ensemble MAJ mis-Slovakkja, il-grupp Segapidi mill-Estonja, u l-Compagnia Folclorica Trincaria minn Sqallija. L-attivitajiet bdew il-Ħamis filgħaxija permezz tar-rikostruzzjoni ta’ tieġ tradizzjonali Malti li huwa element ewlieni sinonimu ma’ dan il-festival u għal darba oħra kien ta’ attrazzjoni partikolari speċjalment mal-parteċipanti u turisti Maltin u barranin li kienu preżenti wkoll għal ikla tradizzjonali li ġiet imtellgħa fil-Pjazza tal-lokalità. Il-Ġimgħa ġew organizzati attivitajiet f’Malta filwaqt li s-Sibt inżammet il-konferenza. Il-Ħadd filgħaxija l-festival ġie fi tmiemu permezz ta’ kunċert mill-Għaqda Mużikali Ite ad Joseph. Il-programm kien jinkludi wkoll mużika u żfin mill-gruppi barranin kif ukoll dawk lokali, snajja’ tradizzjonali Għawdxin kif ukoll logħob tradizzjonali għat-tfal.
Stqarrijiet Oħra:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021