Left arrow Mur Lura

FTEHIM KOLLETTIV ĠDID GĦALL-AKKADEMIĊI TAL-MCAST

pr2044
Date Icon 20/09/2012

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina ippresediet għall-iffirmar ta’ Ftehim Kollettiv bejn l-MCAST u l-MUT għan-nom tal-istaff akkademiku tal-Kulleġġ, Malti tal-Arti Xjenza u Teknoloġija.

Il-Ministru Cristina qalet li dan il-Ftehim Kollettiv ġdid barra milli se jagħti vantaġġi lill-istaff akkademiku tal-MCAST b’titjib fis-salarji u l-introduzzjoni ta’ benefiċċji ġodda,  se jgħin biex tkompli titwettaq il-viżjoni li l-Gvern għandu għal din l-istituzzjoni edukattiva u cioe’ dik li tkompli tiżviluppa u tikber biex iżżid l-opportunitajiet ta’ tagħlim vokazzjonali tal-ogħla kwalita’ għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv il-ħaddiema akkademiċi tal-MCAST qed jingħataw l-opportunita’ li jkomplu jiżviluppaw professjonalment u kienet introdotta il-“work resource allowance” li tikkonsisti f’somma ta’ flus allokata għal kull lecturer biex ikun jista’ jixtri materjal edukattiv biex jgħinu jżomm ruħu aġġornat ma’ żviluppi fil-linja professjonali tiegħu biex b’hekk ikun jista’ jagħti servizz aħjar lill-istudenti tiegħu.

Kien introdott ukoll il-prinċipju li kull lecturer jagħti erba’ siegħat fil-ġimgħa ta’ tagħlim filgħaxija biex b’hekk ir-riżorsi li għandu l-MCAST isir użu aħjar minnhom u jkunu jistgħu jintlaħqu aktar studenti.

Għall-ewwel darba dan il-Ftehim Kollettiv qed ikopri wkoll lil-Learning Support Assistants li jagħtu s-servizz tagħhom lil studenti li jattendu din l-istituzzjoni.  Dawn ukoll huma ħaddiema professjonali li qed jagħtu servizz essenzjali lil studenti li jinħtieġuh.

Il-Ministru Cristina qalet li dan il-Ftehim Kollettiv ifisser żieda sostanzjali fl-ispiża li l-Gvern jonfoq fl-MCAST kull sena. Dan barra li l-Gvern qed jinvesti ħafna aktar fl-MCAST f’bini u faċilitajiet tal-ogħla livell.

Barra mill-bini tal-Campus il-ġdid li se jiswa aktar minn €115 miljun u lix-xogħol fuq l-ewwel fażi tiegħu miexi b’rittmu mgħaġġel, qed isir investiment kbir kemm fir-riżorsi umani kif ukoll f’bini u apparat mill-aktar modern biex ikompli jitjieb il-kwalita’ tat-tagħlim.

Fost dan l-investiment il-Ministru semmiet vot ta’ €6 miljun biex lecturers jingħataw l-opportunita li jtejbu l-kwalifiki tagħhom. L-istaff akkademiku ta’ l-MCAST qiegħed jattendi għal-korsijiet taħt il-proġett finanzjat mill-Unjoni Ewropea li qed jgħinhom jispeċjalizzaw fl-oqsma tagħhom. L-MCAST toffri korsijiet bla ħlas għal lecturers u ħaddiema oħra fil-Kulleġġ li jixtiequ jitgħallmu aktar  oqsma bħal tat-Teknoloġija tal-Informatika. Il-korsijiet kollha part-time ta’ filgħaxija huma miftuħa għall-membri tal-istaff. L-MCAST, permezz tal-Fraunhofer, istituzzjoni ta’ riċerka kbira Ġermaniża, flimkien ma’ Universitajiet li qed jikkollaboraw, toffri Masters Programme u PhDs f’diversi oqsma bil-għan li lecturers konċernati jgħaddu minn żvilupp professjonali biex joffru servizz ta’ kwalita’ fil-korsijiet ta’ grad vokazzjonali ta’ livell terzjarju li l-MCAST toffri.

Hemm wkoll proġett ta’ €2.2 miljun għaċ-Ċentru ta’ Taħriġ Multimedjatiku maħsub biex ikompli jgħolli l-livell ta’ edukazzjoni fil-qasam tal-Arti Viżiva. B’fondi tal-UE inxtara apparat biex l-istudenti u l-ħaddiema li joperaw f’dan is-settur issa jistgħu jitħarrġu bl-aktar apparat modern f’dan il-qasam.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni qalet li l-MCAST mhux istituzzjoni edukattiva għal dawk l-istudenti li forsi ma jiksbux biżżejjed kwalifiki biex imorru l-Universita’.  Mijiet ta’ żgħażagħ kull sena - u din is-sena kellna diġa numru rekord ta’ applikazzjonijiet qabel ħarġet it-tieni sejħa lill-isudenti - ifittxu l-MCAST avolja għandhom biżżejjed kwalifiki biex jidħlu l-Universita. Imma jagħżlu din l-istituzzjoni edukattiva b’għażla konxja u bi ħsieb. Anzi, issa bdejna naraw ukoll numru ta’ żgħażagħ li wara li jiggradwaw mill-Universita’ jiġu jagħmlu kors fl-MCAST biex jieħdu esperjenza aktar prattika tal-qasam li jridu jispeċjalizzaw fih.

Hu veru wkoll li l-Kulleġġ qed joffri opportunitajiet lil żgħażagħ li għal raġunijiet differenti ma rnexxielhomx jiksbu biżżejjed ħiliet mill-ewwel biex ikomplu javanzaw.  Għal dawn in-nies l-MCAST ħoloq korsijiet apposta biex filwaqt li jgħinhom jiksbu ħiliet bażiċi joffrilhom iċ-ċans li jitħarrġu u jiksbu ħiliet biex iwassluhom ikollhom impjieg u mpjieg tajjeb.  Kienu ħafna dawk iż-żgħażagħ li bdew Foundation Course u baqgħu telgħin biex kisbu anke degree.

Dan hu kollu mertu tal-flessibilta li l-MCAST għandu fil-korsijiet tiegħu.  Mertu ta’ metodi ta’ tagħlim differenzjat li toffri din l-istituzzjoni.  Mertu tal-lekċerers u l-amministrazzjoni u l-Bord tal-Gvernaturi tal-Kulleġġ li jagħtu d-direzzjoni.

Dan il-Ftehim Kollettiv għandu jkompli jixpruna lill-għalliema f’din l-istituzzjoni biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet professjonali tagħhom għax minn dan l-iżvilupp igawdu wkoll l-istudenti.

Il-Ministru rringrazzjat lil kulmin ta’ sehmu biex intlaħaq dan il-ftehim.  L-amministrazzjoni tal-MCAST immexxija mill-Prof. Maurice Grech, l-uffiċjali tal-Public Administration Collective Bargaining Unit (PACBU) tal-Ministeru tal-Finanzi li għenu fin-negozjati u lill-Uffiċjali tal-Malta Union of Teachers għan-nom tal-istaff akkademiku.

Il-Ftehim kien iffirmat minn Joe Farrugia, President tal-Bord tal-Gvernaturi u Prof. M. Grech Prinċipal tal-MCAST u minn Kevin Bonello u Franklyn Barbara, President u Segretarju rispettivament tal-Malta Union of Tedachers fil-preżenza tal-Ministru Cristina u Dr. James Calleja, Segretarju Permanenti fil-Ministru tal-Edukazzjoni u l-Principal il-ġdid Stephen Cachia.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  Il-Mediterranean Tourism Foundation tiltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela

PR262021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Il-Mediterranean Tourism Foundation t...

Aktar Stqarrijiet Right arrow