FTEHIM KOLLETTIV ĠDID GĦALL-AKKADEMIĊI TAL-MCAST
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina ippresediet għall-iffirmar ta’ Ftehim Kollettiv bejn l-MCAST u l-MUT għan-nom tal-istaff akkademiku tal-Kulleġġ, Malti tal-Arti Xjenza u Teknoloġija.
Il-Ministru Cristina qalet li dan il-Ftehim Kollettiv ġdid barra milli se jagħti vantaġġi lill-istaff akkademiku tal-MCAST b’titjib fis-salarji u l-introduzzjoni ta’ benefiċċji ġodda, se jgħin biex tkompli titwettaq il-viżjoni li l-Gvern għandu għal din l-istituzzjoni edukattiva u cioe’ dik li tkompli tiżviluppa u tikber biex iżżid l-opportunitajiet ta’ tagħlim vokazzjonali tal-ogħla kwalita’ għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv il-ħaddiema akkademiċi tal-MCAST qed jingħataw l-opportunita’ li jkomplu jiżviluppaw professjonalment u kienet introdotta il-“work resource allowance” li tikkonsisti f’somma ta’ flus allokata għal kull lecturer biex ikun jista’ jixtri materjal edukattiv biex jgħinu jżomm ruħu aġġornat ma’ żviluppi fil-linja professjonali tiegħu biex b’hekk ikun jista’ jagħti servizz aħjar lill-istudenti tiegħu.
Kien introdott ukoll il-prinċipju li kull lecturer jagħti erba’ siegħat fil-ġimgħa ta’ tagħlim filgħaxija biex b’hekk ir-riżorsi li għandu l-MCAST isir użu aħjar minnhom u jkunu jistgħu jintlaħqu aktar studenti.
Għall-ewwel darba dan il-Ftehim Kollettiv qed ikopri wkoll lil-Learning Support Assistants li jagħtu s-servizz tagħhom lil studenti li jattendu din l-istituzzjoni. Dawn ukoll huma ħaddiema professjonali li qed jagħtu servizz essenzjali lil studenti li jinħtieġuh.
Il-Ministru Cristina qalet li dan il-Ftehim Kollettiv ifisser żieda sostanzjali fl-ispiża li l-Gvern jonfoq fl-MCAST kull sena. Dan barra li l-Gvern qed jinvesti ħafna aktar fl-MCAST f’bini u faċilitajiet tal-ogħla livell.
Barra mill-bini tal-Campus il-ġdid li se jiswa aktar minn €115 miljun u lix-xogħol fuq l-ewwel fażi tiegħu miexi b’rittmu mgħaġġel, qed isir investiment kbir kemm fir-riżorsi umani kif ukoll f’bini u apparat mill-aktar modern biex ikompli jitjieb il-kwalita’ tat-tagħlim.
Fost dan l-investiment il-Ministru semmiet vot ta’ €6 miljun biex lecturers jingħataw l-opportunita li jtejbu l-kwalifiki tagħhom. L-istaff akkademiku ta’ l-MCAST qiegħed jattendi għal-korsijiet taħt il-proġett finanzjat mill-Unjoni Ewropea li qed jgħinhom jispeċjalizzaw fl-oqsma tagħhom. L-MCAST toffri korsijiet bla ħlas għal lecturers u ħaddiema oħra fil-Kulleġġ li jixtiequ jitgħallmu aktar oqsma bħal tat-Teknoloġija tal-Informatika. Il-korsijiet kollha part-time ta’ filgħaxija huma miftuħa għall-membri tal-istaff. L-MCAST, permezz tal-Fraunhofer, istituzzjoni ta’ riċerka kbira Ġermaniża, flimkien ma’ Universitajiet li qed jikkollaboraw, toffri Masters Programme u PhDs f’diversi oqsma bil-għan li lecturers konċernati jgħaddu minn żvilupp professjonali biex joffru servizz ta’ kwalita’ fil-korsijiet ta’ grad vokazzjonali ta’ livell terzjarju li l-MCAST toffri.
Hemm wkoll proġett ta’ €2.2 miljun għaċ-Ċentru ta’ Taħriġ Multimedjatiku maħsub biex ikompli jgħolli l-livell ta’ edukazzjoni fil-qasam tal-Arti Viżiva. B’fondi tal-UE inxtara apparat biex l-istudenti u l-ħaddiema li joperaw f’dan is-settur issa jistgħu jitħarrġu bl-aktar apparat modern f’dan il-qasam.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni qalet li l-MCAST mhux istituzzjoni edukattiva għal dawk l-istudenti li forsi ma jiksbux biżżejjed kwalifiki biex imorru l-Universita’. Mijiet ta’ żgħażagħ kull sena - u din is-sena kellna diġa numru rekord ta’ applikazzjonijiet qabel ħarġet it-tieni sejħa lill-isudenti - ifittxu l-MCAST avolja għandhom biżżejjed kwalifiki biex jidħlu l-Universita. Imma jagħżlu din l-istituzzjoni edukattiva b’għażla konxja u bi ħsieb. Anzi, issa bdejna naraw ukoll numru ta’ żgħażagħ li wara li jiggradwaw mill-Universita’ jiġu jagħmlu kors fl-MCAST biex jieħdu esperjenza aktar prattika tal-qasam li jridu jispeċjalizzaw fih.
Hu veru wkoll li l-Kulleġġ qed joffri opportunitajiet lil żgħażagħ li għal raġunijiet differenti ma rnexxielhomx jiksbu biżżejjed ħiliet mill-ewwel biex ikomplu javanzaw. Għal dawn in-nies l-MCAST ħoloq korsijiet apposta biex filwaqt li jgħinhom jiksbu ħiliet bażiċi joffrilhom iċ-ċans li jitħarrġu u jiksbu ħiliet biex iwassluhom ikollhom impjieg u mpjieg tajjeb. Kienu ħafna dawk iż-żgħażagħ li bdew Foundation Course u baqgħu telgħin biex kisbu anke degree.
Dan hu kollu mertu tal-flessibilta li l-MCAST għandu fil-korsijiet tiegħu. Mertu ta’ metodi ta’ tagħlim differenzjat li toffri din l-istituzzjoni. Mertu tal-lekċerers u l-amministrazzjoni u l-Bord tal-Gvernaturi tal-Kulleġġ li jagħtu d-direzzjoni.
Dan il-Ftehim Kollettiv għandu jkompli jixpruna lill-għalliema f’din l-istituzzjoni biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet professjonali tagħhom għax minn dan l-iżvilupp igawdu wkoll l-istudenti.
Il-Ministru rringrazzjat lil kulmin ta’ sehmu biex intlaħaq dan il-ftehim. L-amministrazzjoni tal-MCAST immexxija mill-Prof. Maurice Grech, l-uffiċjali tal-Public Administration Collective Bargaining Unit (PACBU) tal-Ministeru tal-Finanzi li għenu fin-negozjati u lill-Uffiċjali tal-Malta Union of Teachers għan-nom tal-istaff akkademiku.
Il-Ftehim kien iffirmat minn Joe Farrugia, President tal-Bord tal-Gvernaturi u Prof. M. Grech Prinċipal tal-MCAST u minn Kevin Bonello u Franklyn Barbara, President u Segretarju rispettivament tal-Malta Union of Tedachers fil-preżenza tal-Ministru Cristina u Dr. James Calleja, Segretarju Permanenti fil-Ministru tal-Edukazzjoni u l-Principal il-ġdid Stephen Cachia.
Other Press Releases:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021