L-ANZJANITÀ ATTIVA U S-SOLIDARJETÀ BEJN IL-ĠENERAZZJONIJIET DISKUSSA F’GĦAWDEX
Enhancing Youth Voluntary Work to Promote Active Ageing and Solidarity between Generations, kienet it-tema ta’ seminar imtella’ mill-Kumitat Reġjonali għal Għawdex fl-okkażjoni tas-Sena Ewropea għal Anzjanità Attiva u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet.
Għal dan is-seminar, li kien parti mil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-European Regional Youth Network, li tagħha Għawdex huwa membru, attendew għadd ta’ Sindki ta’ Kunsilli Lokali f’Għawdex kif ukoll madwar 20 delegat minn ħames reġjuni Ewropej li jinkludu l-Emilia Romagna, Wielkopolska, Vastra Gotaland, Aquitaine, u Hessen.
Waqt id-diskors tal-ftuħ ta’ dan is-seminar, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex faħħret din l-inizjattiva, filwaqt li rringrazzjat lid-delegati barranin li bil-preżenza u l-parteċipazzjoni tagħhom komplew isaħħu l-validità ta’ dan is-seminar. Hija qalet lit-tema tas-Sena Ewropea ta’ din is-sena tolqot żewġ sezzjonijiet importanti tas-soċjetà – iż-żgħażagħ u l-anzjani, lit-tnejn jistgħu jikkontribwixxu għall-ġid ta’ xulxin. Żiedet tgħid kif illum ħafna anzjani jibqgħu jagħtu sehem attiv fil-komunità u huma konxji mill-importanza ta’ dan. Il-Ministru Giovanna Debono semmiet kif il-Gvern jippromwovi dan il-kunċett b’inizjattivi bħalma huma sistemi ta’ tagħlim matul il-ħajja li jinkludu l-Università tat-Tielet Età; possibilità li pensjonanti jibqgħu jikkontribwixxu fid-dinja tax-xogħol; servizzi bħal Meals on Wheels, Homehelp u Telecare; kif ukoll servizzi oħra li permezz tagħhom l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunitajiet tagħhom għall-perjodi itwal. Irreferiet ukoll għall-programm ta’ attivitajiet għall-anzjani f’Għawdex b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Kunsilli Lokali Għawdxin.
L-Onor. Giovanna Debono żiedet tgħid li realtà oħra importanti fis-soċjetà Għawdxija huwa l-qasam tal-volontarjat li huwa b’saħħtu f’setturi diversi fosthom fil-kultura, l-edukazzjoni, ir-reliġjon u l-isport. L-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi f’Għawdex ilaħħqu mat-320, bil-maġġor parti tagħhom irreġistrati bħala membri tal-Assoċjazzjoni tal-NGOs f’Għawdex. Il-Ministru għal Għawdex qalet li bħala reġjun Għawdex għandu l-infrastruttura ideali li tipprovdi l-ambjent meħtieġ u jħaddan l-aħjar attitudni biex ħafna minn dak li jiġi diskuss waqt is-seminar ikun jista’ jiġi mwettaq. “Nemmnu li bil-qsim tal-esperjenzi u l-ideat bejn ir-rappreżentanti, il-gżira tagħna tkun tista’ tikkontribwixxi kif ukoll tiggwadanja f’materji relatati ma’ setturi diversi tal-popolazzjoni tagħna”, qalet il-Ministru Giovanna Debono.
Is-seminar ġie indirizzat ukoll mis-Sinj. Alison Camilleri, Kap tal-Fondi Ewropej fi ħdan il-MEUSAC, mis-Sinj. Miriam Thewma, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ, mis-Sinj. Nicole Borg li bbenefikat minn skema tal-ETC, u minn delegat minn Emilia Romagna. Is-seminar ġie fi tmiemu b’diskors minn Dr Samuel Azzopardi li huwa wkoll il-President tar-Reġjun ta’ Għawdex u jirrappreżenta l-gżira ta’ Għawdex fil-Kumitat tar-Reġjuni Ewropew.
Other Press Releases:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021