L-IMPRENDITUR MALTI QED IKOMPLI JURI FIDUĊJA FL-EKONOMIJA TA’ PAJJIŻNA
Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech dalgħodu ltaqa’ ma’ numru ta’ imprendituri żgħażagħ, f’laqgħa oħra minn serje li l-Malta Enterprise qed torganizza biex tippermetti rappreżentanti differenti minn oqsma kummerċjali f’pajjiżna biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar kif jista’ jkompli jiġi faċilitat l-operat tagħhom biex ikomplu jikbru, jespandu u joħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol.
F’introduzzjoni qasira qabel ma bdiet id-diskussjoni, il-Ministru Tonio Fenech esprima rringrazzjament tiegħu lill-imprendituri preżenti li komplew juri fiduċja fl-ekonomija Maltija fl-aħħar snin, u minkejja d-diffikultajiet internazzjonali, komplew jinvestu, jkabbru n-negozju tagħhom u jagħtu kontribut importanti biex fl-aħħar 4 snin inħolqu 20,000 post tax-xogħol.
Dan ukoll qed isir permezz tal-innovazzjoni kummerċjali – fattur li kien rikonoxxut mill-Forum Ekonomiku Dinji, li f’rapport ippubblikat aktar kmieni dan ix-xahar reġa’ poġġa lil pajjiżna fost kategorija ta’ pajjiżi li l-ekonomija tagħhom hija mmexxija mill-‘innovazjoni’.
Il-Ministru rrefera wkoll għall-għodda li l-Gvern qed jagħti lin-negozju biex ikompli jikber. B’mod partikolari, semma kif l-iskema li tagħti self b’rati vantaġġjużi, il-Jeremie MicroCredit, diġà gawdew minnha 350 negozju, li ħadu 33 miljun ewro f’loans biex wettqu investiment ta’ 54 miljun ewro. Oħrajn gawdew minn aktar minn 42 miljun ewro f’fondi Ewropej – li nqasmu bejn 570 business Malti u Għawdxi – f’investimenti li saru biex kumpanija issir aktar innovativa u kompettitiva.
Fl-aħħarnett Tonio Fenech tkellem fuq il-ġlieda kontinwa kontra l-burokrazija – u rrefera b’mod partikolari għall-BusinessFirst, il-one-stop-shop li jiġbor aktar minn 50 servizz tal-Gvern taħt saqaf wieħed, fejn sidien ta’ negozji – ġodda jew eżistenti – jinqdew sa għaxart ijiem tax-xogħol u li sa mit-twaqqif tiegħu aktar kmieni din is-sena diġà attirat aktar minn 7,000 kuntatt.
Għal-laqgħa kienu preżenti wkoll iċ-Chairman tal-Malta Enterprise Lawrence Zammit u l-Kap Eżekuttiv Sue Vella.
Other Press Releases:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021