STQARRIJA TAL-GVERN
L-Oppożizzjoni tipprova tħawwad każijiet differenti: il-kawża deċiża l-bieraħ m’għandha x’taqsam xejn mal-kawżi pendenti dwar il-VAT fuq it-taxxa ta’ reġistrazzjoni
Il-Gvern jirreferi għad-Deċiżjoni tal-Qorti dwar il-każ tas-Sinjuri William u Anna Grech, b’rabta ma’ ħlas ta’ VAT fuq ir-reġistrazzjoni tal-vetturi u l-istqarrija sussegwenti ppubblikata mill-Oppożizzjoni, liema stqarrija tipprova b’mod qarrieqi tagħti l-impressjoni li din id-deċiżjoni tikkonċerna l-każijiet li dwarhom l-Oppożizzjoni għandha kawża pendenti.
Il-każ imsemmi huwa każ partikolari ta’ individwu li xtara vettura u ġabha personalment minn Stat Membru ieħor tal-UE qabel l-2008 u rreġistra l-vettura fuqu nnifsu u mhux tramite dealer/aġent. Il-Qorti sabet li peress li din il-persuna ġab il-vettura personalment Malta, it-transazzjoni teknikament saret fir-Renju Unit u allura ma kinitx transazzjoni taxxabbli f’Malta għall-finijiet tal-VAT.
Il-Qorti ma laqatx l-argument tad-Dipartiment tal-VAT, li l-VAT kellha tiġi imposta f’dan il-każ biex ma jkunx hemm distortion in competition. Il-fatt li l-Qorti ma sabitx lill-Gvern responsabbli iżda sabet biss responsabbli lil Transport Malta dwar kif applikat il-liġi, juri li l-Qorti affermat l-obbligu li kellha tiġi ċċarġjata l-VAT fuq it-taxxa ta’ reġistrazzjoni meta l-vettura tiġi impurtata minn aġent/dealer skont il-provvedimenti tal-liġi tal-VAT.
Għaldaqstant, il-Gvern jiddeplora l-Oppożizzjoni li pruvat tiżgwida lill-pubbliku billi tipprova torbot dan il-każ partikolari, bil-fattispeċi speċifiċi tiegħu, mal-kawża fejn l-Oppożizzjoni qed tikkontesta l-prinċipju li jinġabar VAT fuq it-taxxa ta’ reġistrazzjoni.
Il-Gvern ifakkar lill-Oppożizzjoni illi f’deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f’każ tal-Kummissjoni Ewropea kontra l-Polonja (li kellha sistema ta’ taxxa simili għal dik ta’ pajjiżna), ikkonkludiet li l-Polonja kellha fil-fatt l-obbligu li tiġbor il-VAT fuq it-taxxa ta’ reġistrazzjoni.
Il-Gvern jibqa’ konsistenti fil-pożizzjoni tiegħu li huwa dejjem kien konformi mal-liġijiet ta’ pajjiżna u tal-Unjoni Ewropea, u kif dejjem sostna, kull deċiżjoni tal-Qrati għandha tiġi rispettata.
Stqarrijiet Oħra:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021