IL-MINISTRU CRISTINA TILTAQA’ MA’ GĦALLIEMA ĠODDA
Dalgħodu l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina, iltaqgħet mal-għalliema l-ġodda li se jibdew jagħtu s-servizz tagħhom fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja f’din is-sena skolastika.
Hija indirrizzat l-għalliema waqt seminar apposta li qiegħed isir għall-ħames sena konsekuttiva. In-numru ta’ għalliema ġodda f’setturi u suġġetti differenti huwa ta’ 91 fl-iskejjel tal-Istat filwaqt li 61 għalliem se jibdew il-karriera tagħhom fl-iskejjel tal-Knisja. Il-Ministru Cristina saħqet li dan in-numru sabiħ juri li l-professjoni tal-għalliema għadha waħda mfittxija.
Bħalissa qed jiġu implimentati diversi riformi fis-sistema edukattiva li jaffettwaw it-tagħlim fi-klassi u l-introduzzjoni ta’ għodod u riżorsi biex kemm jista’ jkun jiġi provdut tagħlim differenzjat u aktar innovativ, kif ukoll programmi skont il-bżonnijiet differenti tal-istudenti kollha.
Il-Gvern flimkien mad-Direttorati tal-Edukazzjoni jassigura li jkun hemm taħriġ speċjalizzat u opportunitajiet biex l-għalliema jkunu jistgħu jkomplu jssaħħu l-professjoni u l-istudji tagħhom.
Minbarra s-seminar ta’ induction l-għalliema l-ġodda se jkunu qegħdin jingħataw ukoll programm ta’ mentoring speċifiku.
Il-proġett pilota li beda s-sena li għaddiet, ġie ddisinjat biex l-għalliema l-ġodda jgħaddu minn proċess ta’ Induction u Mentoring biex jingħataw aktar sapport u għajnuna fil-bidu tal-karriera tagħhom. L-għan ta’ dan il-proġett hu biex l-għalliema l-ġodda jrabbu aktar kunfidenza fuq il-post tax-xogħol u jkollhom punt ta’ referenza ma’ persuna ta’ esperjenza biex jaqsmu l-ħsibijiet u l-isfidi li jkunu qed jiltaqgħu magħhom fil-bidu tax-xogħol tagħhom bħala għalliema u aspetti oħra tal-professjoni tagħhom bl-akbar kunfidenzjalità.
Is-sistema edukattiva hija kemmxejn waħda kumplessa speċjalment bir-riformi li qed inwettqu għaliex żdiedu ħafna aktar servizzi għall-istudenti u professjonisti li lkoll iridu jaħdmu id f’id mal-għalliema. Iżda bl-għajnuna mogħtija, l-għalliema ġodda se jingħataw l-għodda meħtieġa biex isibu saqajhom fid-dinja tax-xogħol.
Il-mentors se jkunu qegħdin jagħtu taħriġ speċifiku biex l-għalliema l-ġodda jifhmu aktar is-sistema edukattiva u jsibu l-aħjar appoġġ possibli. L-ewwel sena tal-programm tal-mentoring tal-għalliema, kienet waħda ta’ suċċess għaliex 95% tal-għalliema l-ġodda tas-sena l-oħra qalu li l-esperjenza kienet waħda pożittiva u kienu sodisfatti bl-għajnuna mogħtija mill-mentors tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021