Left arrow Mur Lura

SKOLA NAZZJONALI TAL-ISPORT... BIEX ULIEDNA JIRNEXXU FL-ISKOLA U FL-ISPORT

pr2022
Date Icon 17/09/2012

- Edukazzjoni li tiftaħ aktar bibien ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna

- L-ewwel 38 student/a magħżula biex jistudjaw f’din l-iskola jattendu għal żjara ta’ orjentament

L-iSkola Nazzjonali tal-iSport tiftaħ il-bibien tagħha bħal-lum ġimgħa biex iż-żgħażagħ tagħna jinagħtaw l-opportunità li jirnexxu kemm fl-iskola u kemm fl-isport. Dan ħabbru l-Onor. Clyde Puli Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport waqt żjara li għamel lill-ewwel 38 student li ġew aċċetati f’din l-iskola, waqt iż-żjara ta’ orjentament organizzata għalihom mill-iskola.

L-Onor. Puli spjega li din l-iskola se tkun qed tħarreġ lill-studenti atleti promettenti fl-iżvilupp sportiv tagħhom filwaqt li toffrilhom edukazzjoni akkademika ta’ kwalità għolja li tippermetti lill-istudenti jkomplu bl-edukazzjoni postsekondarja tagħhom. B’dan il-mod l-istudenti jibqgħalhom l-opportunità li jsegwu karrieri differenti, ta’ sport u ta’ xogħol (dual career), fi stadji differenti ta’ ħajjithom.

Fl-iskola tal-isport l-istudenti jibqa’ jkollhom il-lezzjonijiet obbligatorji fil-kurrikulu bħat-tfal l-oħra. Iżda mal-Matematika, l-Ingliż, il-Malti u suġġetti akkademiċi oħrajn, ikollhom ħin iddedikat speċifikament għall-isport. Il-ħinijiet tal-lezzjonijiet ikunu flessibbli biżżejjed biex jakkomodaw it-taħriġ sportiv li jkun qed isir ukoll waqt il-ħin tal-iskola f’qafas ta’ ċentru ta’ eċċellenza għall-attività sportiva. It-taħriġ sportiv se jkun ikkoordinat mill-Assoċjazzjonijiet Sportivi u l-kowċis tagħhom, biex l-atleti żgħażagħ ikollhom pjan wieħed ta’ taħriġ b’oġġettivi komuni, kemm waqt il-ħin tal-iskola kif ukoll wara.

Is-Segretarju Parlamentari ħabbar li r-rispons tal-istudenti biex ikomplu bl-istudji tagħhom f’din l-iskola kien wieħed tajjeb ħafna tant li 95 student wieġeb għas-sejħa tal-applikazzjonijiet li fetħet fil-bidu tal-Lulju u għalqet fl-20 ta' Lulju.  Huwa stqarr li l-proċess tal-għażla kien  wieħed rigoruż u mmexxi minn esperti fil-qasam. Il–proċess kien jirikjedi wkoll nominazzjoni mill-Assoċjazzjoni Nazzjonali li tirrapreżenta d-dixxiplina sportiva tal-atleti. Wara interview mal-Bord tal-Għażla u assessjar tal-ħiliet sportivi u akkademiċi, 38 student/a kienu magħżula għal din l-iskola. Minn dawn 13 huma bniet u 25 huma subien. L-istudenti magħżula ġejjin minn 8 dixxiplini sportivi differenti li huma l-futbol (18 subien u 5 bniet); l-atletika (3 subien u 2 bniet), basketball (1 tifel u 1 tifla), rugby (1 tifel u 1 tifla), ġinnastika ( 2 bniet), bowling (1 tifla), għawm (1 tifel u 1 tifla) u karate (1 tifel).

Is-Segretarju Parlamentari spjega li l-Iskola Nazzjonali tal-iSport se tkun skola awtonoma bil-kap tagħha, filwaqt li tifforma parti mill-Kulleġġ San Benedittu u topera mill-campus li jinkludi l-iskejjel sekondarji tal-istess kulleġġ. F’dan il-campus il-Gvern diġà investa mat-12-il miljun ewro fil-bini ta’ skola ġdida u moderna u Kumpless Sportiv state of the art. Fix-xhur li ġejjin il-Gvern se jkun qed jinvesti madwar 8 miljun ewro oħra fil-bini ta’ skola sekondarja ġdida tal-bniet.

L-Onor. Puli qal li din l-iskola fiha l-partikolaritajiet tagħha biex tindirizza l-bżonnijiet sportivi individwali u Nazzjonali . Huwa qal li minkejja li din l-iskola sekondarja li tilqa’ fiha tfal ta’ bejn l-11 u l-15-il sena se tkun f’Ħal Kirkop se tilqa’ studenti minn madwar Malta u Għawdex. Fl-istess waqt se tkun qed tilqa’ fiha klassijiet imħallta ta’ subien u bniet. Din hija wkoll skola li tħarreġ atleti elite li tista’ tinkludi wkoll studenti/atleti minn dixxiplini bħal paralympics u l-ispecial olympics.

Is-Segretarju Parlamentari sostna li din l-iskola hija ħolqa oħra minn katina strateġika biex inkomplu nsaħħu l-isport f’pajjiżna. Hu spjiega li din l-iskola se tkun qed tipprowovi proċess aħjar ta’ identifikazzjoni tat-talet, filwaqt li tħarreġ u tiżviluppa dak it-talent bl-aktar mod professjonali, permezz ta’ għalliema, kowċis, psikologi, nutritionist u professjonisti oħra. Kien ankè għal dan il-għan li ftit tal-ġranet ilu tqassmu l-ewwel 14-il borża ta’ studju f’dixxiplini ta’ speċjalizzazzjoni fil-mediċina, psikoloġija u nuttrizzjoni sportiva fost l-oħrajn.

Is-Segretarju Parlamentari fakkar li f’din il-leġiżlatura tnedew diversi skemi li jassistu lill-atleti tagħna fit-taħriġ tagħhom. Semma li l-Gvern nieda l-Youth Development Scheme biex jinvesti fit-talent sportiv taż-żgħażagħ; nieda l-iSports Competition Leave għall-Atleti u uffiċjali sportivi biex dawn ikunu jistgħu jieħdu leave bi ħlas għall-kompetizzjonijiet internazzjonali, nieda ukoll it-20/20 Sports Training Scheme għall-ħaddiema tas-settur pubbliku, u t-20/20 Sports Training Scheme għall-ħaddiema fis-settur privat, fejn dawn il-ħaddiema jitħarrġu sa 20 siegħa waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom filwaqt li jitħallsu. Din is-sena ġew ingaġġati l-ewwel suldati/atleti f’Unit Sportiva fil-Forzi Armati ta’ Malta, li jistgħu jitħarrġu full-time jiġifieri sa 40 siegħa fil-ġimgħa waqt il-ħin tax-xogħol u fl-istess waqt jibnu karriera fl-armata. L-Onor. Puli spjega kif dawn l-inizjattivi huma żerriegħa li għandha jagħtu l-frott fis-snin li ġejjin.

Waqt din iż-żjara s-Segretarju Parlamentari kien imdawwar mal-iskola mill-Kap tal-Iskola, George Micallef u  mill-Prinċipal tal-Kulleġġ is-Sur Carmel Micallef. Hu kien akkumpanjat miċ-Chairman tal-KMS, Bernard Vassallo u mis-Sur Pippo Psaila, membru fin-National Sport Educational Board.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  Il-Mediterranean Tourism Foundation tiltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela

PR262021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Il-Mediterranean Tourism Foundation t...

Aktar Stqarrijiet Right arrow