SKOLA NAZZJONALI TAL-ISPORT... BIEX ULIEDNA JIRNEXXU FL-ISKOLA U FL-ISPORT
- Edukazzjoni li tiftaħ aktar bibien ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna
- L-ewwel 38 student/a magħżula biex jistudjaw f’din l-iskola jattendu għal żjara ta’ orjentament
L-iSkola Nazzjonali tal-iSport tiftaħ il-bibien tagħha bħal-lum ġimgħa biex iż-żgħażagħ tagħna jinagħtaw l-opportunità li jirnexxu kemm fl-iskola u kemm fl-isport. Dan ħabbru l-Onor. Clyde Puli Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport waqt żjara li għamel lill-ewwel 38 student li ġew aċċetati f’din l-iskola, waqt iż-żjara ta’ orjentament organizzata għalihom mill-iskola.
L-Onor. Puli spjega li din l-iskola se tkun qed tħarreġ lill-studenti atleti promettenti fl-iżvilupp sportiv tagħhom filwaqt li toffrilhom edukazzjoni akkademika ta’ kwalità għolja li tippermetti lill-istudenti jkomplu bl-edukazzjoni postsekondarja tagħhom. B’dan il-mod l-istudenti jibqgħalhom l-opportunità li jsegwu karrieri differenti, ta’ sport u ta’ xogħol (dual career), fi stadji differenti ta’ ħajjithom.
Fl-iskola tal-isport l-istudenti jibqa’ jkollhom il-lezzjonijiet obbligatorji fil-kurrikulu bħat-tfal l-oħra. Iżda mal-Matematika, l-Ingliż, il-Malti u suġġetti akkademiċi oħrajn, ikollhom ħin iddedikat speċifikament għall-isport. Il-ħinijiet tal-lezzjonijiet ikunu flessibbli biżżejjed biex jakkomodaw it-taħriġ sportiv li jkun qed isir ukoll waqt il-ħin tal-iskola f’qafas ta’ ċentru ta’ eċċellenza għall-attività sportiva. It-taħriġ sportiv se jkun ikkoordinat mill-Assoċjazzjonijiet Sportivi u l-kowċis tagħhom, biex l-atleti żgħażagħ ikollhom pjan wieħed ta’ taħriġ b’oġġettivi komuni, kemm waqt il-ħin tal-iskola kif ukoll wara.
Is-Segretarju Parlamentari ħabbar li r-rispons tal-istudenti biex ikomplu bl-istudji tagħhom f’din l-iskola kien wieħed tajjeb ħafna tant li 95 student wieġeb għas-sejħa tal-applikazzjonijiet li fetħet fil-bidu tal-Lulju u għalqet fl-20 ta' Lulju. Huwa stqarr li l-proċess tal-għażla kien wieħed rigoruż u mmexxi minn esperti fil-qasam. Il–proċess kien jirikjedi wkoll nominazzjoni mill-Assoċjazzjoni Nazzjonali li tirrapreżenta d-dixxiplina sportiva tal-atleti. Wara interview mal-Bord tal-Għażla u assessjar tal-ħiliet sportivi u akkademiċi, 38 student/a kienu magħżula għal din l-iskola. Minn dawn 13 huma bniet u 25 huma subien. L-istudenti magħżula ġejjin minn 8 dixxiplini sportivi differenti li huma l-futbol (18 subien u 5 bniet); l-atletika (3 subien u 2 bniet), basketball (1 tifel u 1 tifla), rugby (1 tifel u 1 tifla), ġinnastika ( 2 bniet), bowling (1 tifla), għawm (1 tifel u 1 tifla) u karate (1 tifel).
Is-Segretarju Parlamentari spjega li l-Iskola Nazzjonali tal-iSport se tkun skola awtonoma bil-kap tagħha, filwaqt li tifforma parti mill-Kulleġġ San Benedittu u topera mill-campus li jinkludi l-iskejjel sekondarji tal-istess kulleġġ. F’dan il-campus il-Gvern diġà investa mat-12-il miljun ewro fil-bini ta’ skola ġdida u moderna u Kumpless Sportiv state of the art. Fix-xhur li ġejjin il-Gvern se jkun qed jinvesti madwar 8 miljun ewro oħra fil-bini ta’ skola sekondarja ġdida tal-bniet.
L-Onor. Puli qal li din l-iskola fiha l-partikolaritajiet tagħha biex tindirizza l-bżonnijiet sportivi individwali u Nazzjonali . Huwa qal li minkejja li din l-iskola sekondarja li tilqa’ fiha tfal ta’ bejn l-11 u l-15-il sena se tkun f’Ħal Kirkop se tilqa’ studenti minn madwar Malta u Għawdex. Fl-istess waqt se tkun qed tilqa’ fiha klassijiet imħallta ta’ subien u bniet. Din hija wkoll skola li tħarreġ atleti elite li tista’ tinkludi wkoll studenti/atleti minn dixxiplini bħal paralympics u l-ispecial olympics.
Is-Segretarju Parlamentari sostna li din l-iskola hija ħolqa oħra minn katina strateġika biex inkomplu nsaħħu l-isport f’pajjiżna. Hu spjiega li din l-iskola se tkun qed tipprowovi proċess aħjar ta’ identifikazzjoni tat-talet, filwaqt li tħarreġ u tiżviluppa dak it-talent bl-aktar mod professjonali, permezz ta’ għalliema, kowċis, psikologi, nutritionist u professjonisti oħra. Kien ankè għal dan il-għan li ftit tal-ġranet ilu tqassmu l-ewwel 14-il borża ta’ studju f’dixxiplini ta’ speċjalizzazzjoni fil-mediċina, psikoloġija u nuttrizzjoni sportiva fost l-oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari fakkar li f’din il-leġiżlatura tnedew diversi skemi li jassistu lill-atleti tagħna fit-taħriġ tagħhom. Semma li l-Gvern nieda l-Youth Development Scheme biex jinvesti fit-talent sportiv taż-żgħażagħ; nieda l-iSports Competition Leave għall-Atleti u uffiċjali sportivi biex dawn ikunu jistgħu jieħdu leave bi ħlas għall-kompetizzjonijiet internazzjonali, nieda ukoll it-20/20 Sports Training Scheme għall-ħaddiema tas-settur pubbliku, u t-20/20 Sports Training Scheme għall-ħaddiema fis-settur privat, fejn dawn il-ħaddiema jitħarrġu sa 20 siegħa waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom filwaqt li jitħallsu. Din is-sena ġew ingaġġati l-ewwel suldati/atleti f’Unit Sportiva fil-Forzi Armati ta’ Malta, li jistgħu jitħarrġu full-time jiġifieri sa 40 siegħa fil-ġimgħa waqt il-ħin tax-xogħol u fl-istess waqt jibnu karriera fl-armata. L-Onor. Puli spjega kif dawn l-inizjattivi huma żerriegħa li għandha jagħtu l-frott fis-snin li ġejjin.
Waqt din iż-żjara s-Segretarju Parlamentari kien imdawwar mal-iskola mill-Kap tal-Iskola, George Micallef u mill-Prinċipal tal-Kulleġġ is-Sur Carmel Micallef. Hu kien akkumpanjat miċ-Chairman tal-KMS, Bernard Vassallo u mis-Sur Pippo Psaila, membru fin-National Sport Educational Board.
Other Press Releases:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021