IS-SEBA’ EDIZZJONI TAL-QALA INTERNATIONAL FOLK FESTIVAL
Bejn il-Ħamis 20 u l-Ħadd 23 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill Lokali tal-Qala flimkien mal-Qala Menhir Folk Group, ser ikunu qed ittellgħu s-seba’ edizzjoni tal-Qala International Folk Festival. Bħall-edizzjonijiet preċedenti, matul dan il-festival ser jiġu organizzati diversi attivitajiet li minbarra li jipprovdu attrazzjonijiet partikolari għal dawk kollha li jattendu għandhom ukoll l-għan li jesponu drawwiet u tradizzjonijiet folkloristiċi marbuta kemm mal-lokalità tal-Qala kif ukoll mal-gżira ta’ Għawdex.
Dettalji dwar il-programm imħejji għal din is-sena, ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li ġiet indirizzata mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex u s-sindku tal-Qala Clint Camilleri.
L-Onor. Giovanna Debono fissret kif dan il-festival ġie stabbilit bħala avveniment kulturali ewlieni fil-kalendarju ta’ attivitajiet f’Għawdex. Hija faħħret il-ħidma tal-kumitat organizzattiv flimkien mal-Qala Menhir Folk Group u l-Kunsill Lokali tal-Qala li kull sena komplew isaħħu l-livell ta’ dan l-avveniment. Il-Ministru fissret kif minbarra li jservu bħala opportunitajiet ta’ djalogu interkulturali, dawn l-attivitajiet huma wkoll mezzi effettivi ta’ promozzjoni għal Għawdex bħala destinazzjoni turistika li tattira diversi niċeċ turistiċi kemm mis-swieq barranin kif ukoll minn dak domestiku. ‘Dan jissarraf f’valur addizzjonali li jkompli jkattar il-benefiċċji miksuba mill-isforz kollettiv ta’ dawk kollha li jagħtu kontribut fl-organizzazzjoni ta’ dan il-festival’, sostniet il-Ministru Giovanna Debono.
Attività li hija sinonima ma’ dan il-festival hija dik tar-rikostruzzjoni tat-tieġ l-antik. Din l-attività ser tkun qed tagħti bidu għall-edizzjoni ta’ din is-sena, meta l-Ħamis filgħaxija l-għarus u l-għarusa mdawwra bi qrabathom u d-diversi persunaġġi marbuta ma’ dan ir-rit jimxu proċessjonalment minn triq it-28 t’April sa’ Pjazza San Ġużepp fejn wara ssir ikla b’ikel tradizzjonali.
Bħas-snin l-imgħoddija, flimkien mal-Qala Menhir Folk Group ser ikunu qed jipparteċipaw ukoll gruppi folkloristiċi barranin li ġejjin mill-Estonja, is-Slovakia u Sqallija flimkien ma’ gruppi, artisti lokali u l-banda tal-Qala Ite ad Joseph li ser ikunu qed jipprovdu element ta’ spettaklu varjat fi Pjazza San Ġużepp matul is-serati f’dawn il-jiem. Il-gruppi barranin ser jiġu wkoll meħuda fuq żjara f’Malta fejn minbarra li jiġu mdawwra ma’ postijiet storiċi fil-Belt Valletta u l-Imdina, ser jippareteċipaw ukoll b’wirjiet li se jagħtu f’Marsascala u San Ġiljan fuq stedina tal-Kunsilli Lokali ta’ dawn il-lokalitajiet.
F’dawn l-aħħar tliet snin il-programm mħejji għall-Qala International Folk Festival beda jinkorpora l-organizzazzjoni ta’ konferenza bil-parteċipazzjoni tal-gruppi mistiedna barranin flimkien ma’ dawk lokali. Din is-sena il-konferenza ser tkompli tiżvolġi fuq t-tema magħżula s-sena l-oħra ‘Gozo Heritage in Stone’ nhar is-Sibt 22 ta’ Settembru bejn id-9 ta’ filgħodu u nofsinhar. Għall-ewwel darba din il-konferenza ser tkun qed tinżamm fis-Sala tal-Komunità tal-Kunsill Lokali tal-Qala.
Stqarrijiet Oħra:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021