Left arrow Go Back

IS-SEBA’ EDIZZJONI TAL-QALA INTERNATIONAL FOLK FESTIVAL

pr2018
Date Icon 16/09/2012

Bejn il-Ħamis 20 u l-Ħadd 23 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill Lokali tal-Qala flimkien mal-Qala Menhir Folk Group, ser ikunu qed ittellgħu s-seba’ edizzjoni tal-Qala International Folk Festival. Bħall-edizzjonijiet preċedenti, matul dan il-festival ser jiġu organizzati diversi attivitajiet li minbarra li jipprovdu attrazzjonijiet partikolari għal dawk kollha li jattendu għandhom ukoll l-għan li jesponu drawwiet u tradizzjonijiet folkloristiċi marbuta kemm mal-lokalità tal-Qala kif ukoll mal-gżira ta’ Għawdex.

Dettalji dwar il-programm imħejji għal din is-sena, ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li ġiet indirizzata mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex u s-sindku tal-Qala Clint Camilleri.

L-Onor. Giovanna Debono fissret kif dan il-festival ġie stabbilit bħala avveniment kulturali ewlieni fil-kalendarju ta’ attivitajiet f’Għawdex. Hija faħħret il-ħidma tal-kumitat organizzattiv flimkien mal-Qala Menhir Folk Group u l-Kunsill  Lokali tal-Qala li kull sena komplew isaħħu l-livell ta’ dan l-avveniment. Il-Ministru fissret kif minbarra li jservu bħala opportunitajiet ta’ djalogu interkulturali, dawn l-attivitajiet huma wkoll mezzi effettivi ta’ promozzjoni għal Għawdex bħala destinazzjoni turistika li tattira diversi niċeċ turistiċi kemm mis-swieq barranin kif ukoll minn dak domestiku. ‘Dan jissarraf f’valur addizzjonali li jkompli jkattar il-benefiċċji miksuba mill-isforz kollettiv ta’ dawk kollha li jagħtu kontribut fl-organizzazzjoni ta’ dan il-festival’, sostniet il-Ministru Giovanna Debono. 

Attività li hija sinonima ma’ dan il-festival hija dik tar-rikostruzzjoni tat-tieġ l-antik. Din l-attività ser tkun qed tagħti bidu għall-edizzjoni ta’ din is-sena, meta l-Ħamis filgħaxija l-għarus u l-għarusa mdawwra bi qrabathom u d-diversi persunaġġi marbuta ma’ dan ir-rit jimxu proċessjonalment  minn triq it-28 t’April sa’ Pjazza San Ġużepp fejn wara ssir ikla b’ikel tradizzjonali.

Bħas-snin l-imgħoddija, flimkien mal-Qala Menhir Folk Group ser ikunu qed jipparteċipaw ukoll gruppi folkloristiċi barranin li ġejjin mill-Estonja, is-Slovakia u Sqallija flimkien ma’ gruppi, artisti lokali u l-banda tal-Qala Ite ad Joseph  li ser ikunu qed jipprovdu element ta’ spettaklu varjat fi Pjazza San Ġużepp matul is-serati f’dawn il-jiem. Il-gruppi barranin ser jiġu wkoll meħuda fuq żjara f’Malta fejn minbarra li jiġu mdawwra ma’ postijiet storiċi fil-Belt Valletta u l-Imdina, ser jippareteċipaw ukoll b’wirjiet li se jagħtu f’Marsascala u San Ġiljan fuq stedina tal-Kunsilli Lokali ta’ dawn il-lokalitajiet.

F’dawn l-aħħar tliet snin il-programm mħejji għall-Qala International Folk Festival beda jinkorpora l-organizzazzjoni ta’ konferenza bil-parteċipazzjoni tal-gruppi mistiedna barranin flimkien ma’ dawk lokali. Din is-sena il-konferenza ser tkompli tiżvolġi fuq t-tema magħżula s-sena l-oħra ‘Gozo Heritage in Stone’ nhar is-Sibt 22 ta’ Settembru bejn id-9 ta’ filgħodu u nofsinhar. Għall-ewwel darba din il-konferenza ser tkun qed tinżamm fis-Sala tal-Komunità tal-Kunsill Lokali tal-Qala. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  Il-Mediterranean Tourism Foundation tiltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela

PR262021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Il-Mediterranean Tourism Foundation t...

More Press Releases Right arrow