INVESTIMENT TA’ AKTAR MINN €12 MILJUN F’XOGĦLIJIET FIL-QASAM EDUKATTIV F’GĦAWDEX
“Matul din il-leġiżlatura, sar investiment ta’ aktar minn €12-il miljun li permezz tiegħu twettqu xogħlijiet infrastrutturali fil-qasam edukattiv f’Għawdex. Dawn jinkludu proġetti ewlenin fosthom il-bini ta’ Istitut għall-Istudji Turistiċi ġdid fil-Qala, Skola Sekondarja Ġdida għas-Subien fir-Rabat, titjib fiċ-ċentri tal-MCAST u l-Kampus tal-Università f’Għawdex flimkien ma’ xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni, tisbiħ u titjib madwar l-iskejjel kollha fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex’.
Dan qalitu l-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono waqt żjara li għamlet f’żewġ skejjel fejn matul dan is-sajf kien għaddej xogħol ta’ mmodernizzar u tisbiħ, mill-impjegati tas-Sezzjoni tal-Manutenzjoni fil-qasam tal-Edukazzjoni fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Din it-taqsima tikkoordina ħidma matul is-sena kollha iżda xogħol intensiv jiġi proġettat biex jitwettaq fix-xhur tal-vakanzi biex b’hekk ma jkunx ta’ xkiel għall-istudenti, l-għalliema u l-istaff kollu fl-iskejjel.
Il-Ministru Giovanna Debono żaret l-iskejjel tal-Għarb u taż-Żebbuġ fejn f’dawn ix-xhur kien għaddej xogħol ta’ tikħil, tibjid, żebgħa, bdil ta’ madum u aperturi kif ukoll bdil fis-sistema tad-dawl u l-faċilitajiet fis-swali. F’dawn iż-żewġ skejjel tħaffru u ser jinbnew żewġ ġibjuni bħala parti mill-proġett Alter Aqua li qed ikun ikkordinat mill-Global Water Partnership flimkien mall-Ministeru għal Għawdex bħala parti mill-proġett ekoGħawdex. Bis-saħħa ta’ dan il-proġett ser ikunu nbnew erba’ ġibjuni ġodda u restawrati żewġ ġibjuni qodma fi skejjel f’Għawdex flimkien mal-bini ta’ żewġ ġibjuni oħra fiċ-Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ħarsien Ambjentali. Il-Coca Cola Foundation ser tkun qed tiffinanzja dan il-proġett estensiv permezz ta’ donazzjoni ta’ $800,000 u b’hekk ser tkun qed isaħħaħ b’mod konsiderevoli l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex fir-rigward ta’ inizjattivi marbuta mall-ħarsien tar-riżors tal-ilma bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni eko-Għawdex.
Xogħlijiet li saru jew għadhom għaddejjin matul dan is-sajf jinkludu wkoll trattament fuq il-bjut u taħmil fuq ġibjun fl-Iskola Primarja tax-Xagħra; tisbiħ tal-klassijiet fl-Iskola Primarja tal-Qala; tisbiħ fis-saqaf fil-kuriduri u rampi ġodda li jtejbu l-aċċessibilta’ fl-Iskola Primarja ta’ San Lawrenz; bini ta’ ġibjuni ġodda fl-Iskola Primarja ta’ Kerċem u fl-Iskola Primarja ta’ Sannat; installazzjoni ta’ netwerks fl-iskejjel sekondarji fir-Rabat; xogħol ta’ tisbiħ fl-Iskola Primarja tan-Nadur u f’dik tax-Xewkija.
L-Onor. Giovanna Debono fissret kif ix-xogħlijiet li saru f’dawn l-aħħar erba’ snin komplew itejbu l-faċilitajiet u isaħħu s-sitema edukattiva billi jipprovdu ambjenti aktar komdi li jaqdu l-funzjonijiet tas-sistema edukattiva għall-istudenti u l-edukaturi fl-iskejjel kollha f’Għawdex. Il-Ministru semmiet fost l-oħrajn ir-ristrutturar u ż-żieda ta’ laboratorji ġodda fl-iskola sekondarja tal-bniet, li kien jinkludi wkoll bdil fis-sistema tal-elettriku u xogħol ta’ manutenzjoni estensiv fil-faċċata li sar is-sena l-oħra. Fl-iskejjel kollha sar xogħol biex ġew irranġati kurriduri, klassijiet, bjut, swali, uffiċini, faċċati filwaqt li nbidlu sistemi ta’ dawl, ilma, faċilitajiet sanitarji, aperturi, inħadmet għamara ġdida u nxtara apparat modern li jinkludi kompjuters u interactive whiteboards f’kull skola. Ġew irranġati wkoll faċilitajiet sportivi f’għadd ta’ skejjel fejn l-art ġiet miksija b’ħaxix artifiċjali u għalhekk toffri aktar sigurta’ għall-istudenti.
“L-investiment li sar u għadu qed isir jixhed l-impenn u l-fiduċja tagħna fit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Investiment li nemmnu li se jirrendi fit-tul u ser ikompli jsaħħaħ ir-riżultati miksuba s’issa fil-qasam edukattiv f’Għawdex li ssarraf f’żieda kostanti ta’ żgħażagħ li komplew bl-istudji terzjarji tagħhom f’dawn l-aħħar snin" sostniet il-Ministru Giovanna Debono.
Stqarrijiet Oħra:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021