Left arrow Go Back

INVESTIMENT TA’ AKTAR MINN €12 MILJUN F’XOGĦLIJIET FIL-QASAM EDUKATTIV F’GĦAWDEX

pr2017
Date Icon 16/09/2012

“Matul din il-leġiżlatura, sar investiment ta’ aktar minn €12-il miljun li permezz tiegħu twettqu xogħlijiet infrastrutturali fil-qasam edukattiv f’Għawdex. Dawn jinkludu proġetti ewlenin fosthom il-bini ta’ Istitut għall-Istudji Turistiċi ġdid fil-Qala, Skola Sekondarja Ġdida għas-Subien fir-Rabat, titjib fiċ-ċentri tal-MCAST u l-Kampus tal-Università f’Għawdex flimkien ma’ xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni, tisbiħ u titjib madwar l-iskejjel kollha fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex’.

Dan qalitu l-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono waqt żjara li għamlet f’żewġ skejjel fejn matul dan is-sajf kien għaddej xogħol ta’ mmodernizzar u tisbiħ, mill-impjegati tas-Sezzjoni tal-Manutenzjoni fil-qasam tal-Edukazzjoni fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Din it-taqsima tikkoordina ħidma matul is-sena kollha iżda xogħol intensiv jiġi proġettat biex jitwettaq fix-xhur tal-vakanzi biex b’hekk ma jkunx ta’ xkiel għall-istudenti, l-għalliema u l-istaff kollu fl-iskejjel.

Il-Ministru Giovanna Debono żaret l-iskejjel tal-Għarb u taż-Żebbuġ fejn f’dawn ix-xhur kien għaddej xogħol ta’ tikħil, tibjid, żebgħa, bdil ta’ madum u aperturi kif ukoll bdil fis-sistema tad-dawl u l-faċilitajiet fis-swali. F’dawn iż-żewġ skejjel tħaffru u ser jinbnew żewġ ġibjuni bħala parti mill-proġett Alter Aqua li qed ikun ikkordinat mill-Global Water Partnership flimkien mall-Ministeru għal Għawdex bħala parti mill-proġett ekoGħawdex. Bis-saħħa ta’ dan il-proġett ser ikunu nbnew erba’ ġibjuni ġodda u restawrati żewġ ġibjuni qodma fi skejjel f’Għawdex flimkien mal-bini ta’ żewġ ġibjuni oħra fiċ-Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ħarsien Ambjentali. Il-Coca Cola Foundation ser tkun qed tiffinanzja dan il-proġett estensiv permezz ta’ donazzjoni ta’ $800,000 u b’hekk ser tkun qed isaħħaħ b’mod konsiderevoli l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex fir-rigward ta’ inizjattivi marbuta mall-ħarsien tar-riżors tal-ilma bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni eko-Għawdex.

Xogħlijiet li saru jew għadhom għaddejjin matul dan is-sajf jinkludu wkoll trattament fuq il-bjut u taħmil fuq ġibjun fl-Iskola Primarja tax-Xagħra; tisbiħ tal-klassijiet fl-Iskola Primarja tal-Qala; tisbiħ fis-saqaf fil-kuriduri u rampi ġodda li jtejbu l-aċċessibilta’ fl-Iskola Primarja ta’ San Lawrenz; bini ta’ ġibjuni ġodda fl-Iskola Primarja ta’ Kerċem u fl-Iskola Primarja ta’ Sannat; installazzjoni ta’  netwerks fl-iskejjel sekondarji fir-Rabat; xogħol ta’ tisbiħ fl-Iskola Primarja tan-Nadur u f’dik tax-Xewkija.

L-Onor. Giovanna Debono fissret kif ix-xogħlijiet li saru f’dawn l-aħħar erba’ snin komplew itejbu l-faċilitajiet u isaħħu s-sitema edukattiva billi jipprovdu ambjenti aktar komdi li jaqdu l-funzjonijiet tas-sistema edukattiva għall-istudenti u l-edukaturi fl-iskejjel kollha f’Għawdex. Il-Ministru semmiet fost l-oħrajn ir-ristrutturar u ż-żieda ta’ laboratorji ġodda fl-iskola sekondarja tal-bniet, li kien jinkludi wkoll bdil fis-sistema tal-elettriku u xogħol ta’ manutenzjoni estensiv fil-faċċata li sar is-sena l-oħra. Fl-iskejjel kollha sar xogħol biex ġew irranġati kurriduri, klassijiet, bjut, swali, uffiċini, faċċati filwaqt li nbidlu sistemi ta’ dawl, ilma, faċilitajiet sanitarji, aperturi, inħadmet għamara ġdida u nxtara apparat modern li jinkludi kompjuters u interactive whiteboards f’kull skola. Ġew irranġati wkoll faċilitajiet sportivi f’għadd ta’ skejjel fejn l-art ġiet miksija b’ħaxix artifiċjali u għalhekk toffri aktar sigurta’ għall-istudenti.

“L-investiment li sar u għadu qed isir jixhed l-impenn u l-fiduċja tagħna fit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Investiment li nemmnu li se jirrendi fit-tul u ser ikompli jsaħħaħ ir-riżultati miksuba s’issa fil-qasam edukattiv f’Għawdex li ssarraf f’żieda kostanti ta’ żgħażagħ li komplew bl-istudji terzjarji tagħhom f’dawn l-aħħar snin" sostniet il-Ministru Giovanna Debono.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  Il-Mediterranean Tourism Foundation tiltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela

PR262021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Il-Mediterranean Tourism Foundation t...

More Press Releases Right arrow