Left arrow Go Back

STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT - Għall-Forum Ekonomiku Dinji Malta saret aktar kompetittiva, għall-Moody’s Malta għamlet suċċess fit-tisħiħ tal-finanzi pubbliċi. Iżda għall-Oppożizzjoni, kollox jibqa’ ħażin

pr2015
Date Icon 15/09/2012

Għal darb’oħra, l-Oppożizzjoni ma tilfitx l-opportunità li tipprova tpatti għal xi ċertifikat internazzjonali pożittiv li tkun irċiviet l-ekonomija Maltija, ċertifikat li jfisser li pajjiżna jkun qed isir aktar attraenti għall-investiment u l-ħolqien tal-jobs. Minflok, l-Oppożizzjoni, iddawwar iċ-ċifri biex taqta’ l-qlub, għad-dannu tal-ħaddiema Maltin u l-familji tagħhom.

Filfatt, fl-aħħar jiem, l-ekonomija Maltija kienet evalwata bl-akbar reqqa mill-Forum Ekonomiku Dinji u mill-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali, Moody’s.

Il-WEF, filwaqt li għal sena oħra kkategorizza lil pajjiżna fost dawk “innovattivi”, sab li Malta żiedet fil-kompetittività tagħha, fattur li huwa fundamentali biex nattiraw aktar investiment u xogħol. L-istess rapport jirrimarka l-avvanza ta’ pajjiżna fl-investiment fis-settur edukattiv (deskritt fost l-aqwa 20 fid-dinja) u fl-infrastruttura.

Min-naħa tagħha, il-Moody’s faħħret il-konsolidament finanzjarju li ddeskrivetu bħala ‘suċċess’, u nnutat kif fatturi important fiż-żieda fin-nefqa tal-Gvern kienet dovuta għall-għajnuna mogħtija biex l-Air Malta terġa’ titpoġġa fuq sisien sodi u lill-Enemalta biex tkun tista’ ma żżidx it-tariffi għall-familji u n-negozju mimkeja żidiet fil-prezz internazzjonali taż-żejt.

Iżda għal darb’oħra, l-aqwa ċeritifikat li jista’ jingħata pajjiżna huwa meta din il-ħidma tissarraf f’ġid għall-familji, f’aktar xogħol b’pagi aħjar. In-numru ta’ persuni jaħdmu bi qligħ komplew jiżdiedu: Illum hawn 150,000 haddiem jahdmu bi qliegh – fl-ahhar erba' snin inholqu 20,000 post tax-xoghol gdid. L-istatistika dwar it-tkabbir ekonomiku ppubblikata aktar kmieni dan ix-xahar turi wkoll żieda ta’ 2.6% fil-pagi tal-ħaddiema meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet. Dan huwa importanti ħafna, f’perjodu fejn għadna naraw miljuni ta’ impjiegi jintilfu fl-Ewropa - l-aħħar aġġornament mill-Eurostat li juri li l-qgħad fiż-żona ewro żdied minn 10.1% għal 11.3%.

Dan huwa frott tal-fiduċja li għandhom f’pajjiżna l-investituri internazzjonali u s-sidien ta’ negozju Maltin. Li kieku pajjiżna mifni bil-burokrazija kif irrepetew il-kelliema tal-Oppożizzjoni llum, pajjiżna ma kienx iħajar 160 industrijalist biex jinvesti aktar minn 350 miljun ewro f’fabbriki ġodda jew espansjonijiet ġodda li qed joħolqu mat-3,700 post tax-xogħol ġdid. Li kieku pajjiżna mifni bil-burokrazija, ma kienx se jkun hemm kważi 2,800 sid ta’ negozju investa aktar minn 160 miljun ewro bl-għajnuniet mogħtija permezz tal-MicroInvest, il-MicroCredit u l-Fondi Ewropej għall-industrija.

Din il-fiduċja f’pajjiżna hija wkoll frott l-istabbilità finanzjarja. Illum, Il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi, Karmenu Vella, żamm mal-appuntament tradizzjonali ta’ darba fix-xahar li fih jagħti xhieda tal-inkompetenza finanzjarja tal-Oppożizzjoni, fejn jirrepeti l-kantaliena li pajjiżna jinsab f’qagħda finanzjarja mwegħra billi janalizza r-riżultati finanzjarji għall-perjodu speċifiku minn sena Għaldaqstant, il-Ministeru jerġa’ jfakkar lill-Onor Vella li l-istampa kollha turi:

1. Li Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, il-livell tad-dejn żdied għaliex il-valur ta' stocks maħruġa kien ta' 455 miljun ewro, jew ta' 65% tal-ammont totali, li għal din is-sena ma jistax jeċċedi s-700 miljun ewro. Dan barra stocks antiki li mhux se jiġu mġedda din is-sena.

2. Kif il-Bank Ċentrali stess irrimarka, l-istatitika ta’ kwart ta’ sena ma turix neċessarjament trends.

3. Fl-ewwel kwart tas-sena, iż-żieda fin-nefqa tal-Gvern tirrifletti miżuri ta’ appoġġ għall-Korporazzjoni Enemalta u l-AirMalta. Fil-każ tal-Enemalta, din l-għajnuna wasslet biex minkejja ż-żieda sostanzjali fil-prezz internazzjonali taż-żejt, it-tariffi għall-familji, l-industrija u s-sidien ta’ negozji m’esperjenzawx żieda fil-kontijiet. Dan barra investiment addizzjonali fejn ikun meħtieġ, b’mod partikolari fis-settur tas-saħħa.

4. Il-parti l-kbira tad-dħul tal-Gvern isir lejn l-aħħar tas-sena, speċjalment għall-ħlasijiet ta’ income tax u VAT.

Huwa irresponsabbli li l-Oppożizzjoni tibqa’ tagħti l-impressjoni li xi logħob biċ-ċifri huwa possibbli meta taf li r-rekwiżiti Ewropej huma mill-aktar stretti u s-suġġett ta’ evalwazzjoni dettaljata u kontinwa.

Il-qtigħ il-qalb kontinwu mill-Oppożizzjoni huwa ta’ ħsara għall-famili Maltin u Għawdxin. Huwa ħasra, li nieqsa minn kull forma ta’ proposta ekonomika (ħlief dik ta’ Scicluna li nadottaw politika ekonomika Mintoffjana), l-Oppożizzjoni tirrikorri għal miżinformazzjoni li jagħmel ħsara lill-investiment u l-impjiegi.

Minkejja dan, il-Gvern jibqa’ determinat fit-twettiq ta’ strateġija ekonomika li qed tirrendi ruħha f’kisbiet għall-pajjiżna u l-familji tagħna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  Il-Mediterranean Tourism Foundation tiltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela

PR262021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Il-Mediterranean Tourism Foundation t...

More Press Releases Right arrow