Left arrow Go Back

BEJN L-21 U L-22 TA’ SETTEMBRU F’ĦAL QORMI SE JITTELLGĦU L-FESTIVAL TAL-ĦOBŻ U LEJL F’CASAL FORNARO 2012

pr2013
Date Icon 14/09/2012

Il-Gvern dejjem ta l-appoġġ tiegħu lill-għaqdiet biex itellgħu attivitajiet kulturali u din is-sena reġa’ daħal bi sħab mal-Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi biex jgħin fl-organizzazzjoni ta’ Lejl f’Casal Fornaro,  attività li daħlet fil-kalendarju kulturali tal-Maltin u l-Għawdxin li matulha eluf ta’ persuni jżuru l-Belt ta’ Ħal Qormi. Hekk saħaq l-Onor. Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ingħataw dettalji dwar din l-attività.

Puli sostna li dan l-avveniment huwa wieħed mill-attivitajiet li qed jibbenefika mill-iskema tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali. Huwa qal li il-Gvern hu impenjat biex jgħin sabiex jittellgħu aktar attivitajiet bħal dawn għaliex jemmen li dawn l-attivitajiet ikomplu jsaħħu l-prodott turistiku ta’ pajjiżna u fl-istess waqt jgħinu biex ikompli jinbena sens ta’ komunita’. Huwa qal li permezz skema tal-Gvern fl-aħħar 4 snin il-Gvern investa mal-miljun ewro biex ikunu jistgħu jitellgħu 222 attività kulturali.

Dan apparti t-turija ta’ impenn li qed juri l-Gvern bid-devoluzzjoni ta’ artijiet fosthom xelters tal-Gwerra lill-għaqdiet tal-lokalitajiet fosthom f’Ħal Qormi biex ikunu jistgħu jintużaw f’attivitajiet bħal dawn, tenna s-Segretarju Parlamentari.

Qal ukoll li l-involviment taż-żgħażagħ f’kumitati, u f’għaqdiet u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-komunità tikkorrispondi mal-politika tal-Gvern li permezz tal-programmi ta’ empowerment minn Aġenzija Żgħażagħ jgħati aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ Maltin.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll Simon Falzon, wieħed mill-organizzaturi ta’ Casal Fornaro li ta dettalji dwar l-attività. Hu qal li Casal Fornaro kienet waħda mill-ewwel attivitajiet kulturali li bdew jiġu organizzati madwar Malta u Għawdex, bl-ewwel edizzjoni fl-2007. Bla dubju, l-attrazzjonijiet ewlenin se jkunu d-diversi palkijiet, li kull wieħed joffri drama, għana, brass bands, marċi mill-baned Maltin, u wirjiet minn kantanti stabbiliti u talent lokali.

Għar-raba' sena konsekuttiva, ix-xelter ta’ taħt l-Għassa tal-Pulizija, se jerġa’ jkun għall-wiri flimkien ma’ xelter ieħor fi Triq San Pawl li għadda lis-Soċjetà Filarmonika b’titlu aktar kmieni din is-sena.  Barra minn hekk ser ikun hemm wirja ta’ vetturi militari u vetturi klassiċi.

Għalkemm din l-attività hija organizzata miż-żgħażagħ tal-lokal, fiha tinkorpora l-parteċipazzjoni ta’ numru sabiħ ta’ għaqdiet li jvarjaw minn dawk mużikali kif ukoll kollezzjonisti, sportivi u pirotekniċi.

Għal dan l-avveniment ġew mistiedna l-baned kollha ta’ Malta u Għawdex biex flimkien jingħaqdu f'Mass Band fl-okkażjoni tal 150 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà Filarmonika Pinto.

Fost l-attrazzjonijiet ta’ din is-sena nsibu, Mitħna life-size miksija bil-ħobz, Sienja tal-għaġna, Abbozzi ta’ artisti Maltin fosthom tal-istatwa titulari ta’ San Sebastjan u inkwadru kbir maħdum mill-ismid. Ser ikun hemm wkoll żewġ żoni ddedikati għall-ikel tradizzjonali Malti. Żona fejn wieħed isib minn kull tip ta’ ħobż tradizzjonali u oħra ddedikata għall-ħelu tradizzjonali fosthom pudina tal-ħobż kbira.

Propju fis-Sena Ewropea ta' Anzjanità Attiva u Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet waqt din  l-attività,  numru sabiħ ta’ anzjani jesibixxu x-xogħol tagħhom bħal dak bl-arkett, ganutell, bizzilla u xogħol tas-suf fost oħrajn.  B’dan il-mod, din l-attività organizzata miż-żgħażagħ, isservi wkoll sabiex toħloq kuxjenza dwar kemm l-anzjani għandhom x'jgħallmu lis-soċjetà.

Lejlet Lejl f'Casal Fornaro, jiġifieri fil-21 ta' Settembru se jsir il-ħdax-il edizzjoni tal-Festival tal-Ħobż. Dan il-Festival ser ikollu diversi attrazjonijiet fosthom bezzun tal-Malti twil 100 metru li l-qliegħ tiegħu ser imur għall-Istrina u diversi furnara minn pajjiżi differenti, fosthom mill Italja, Eġittu Danimarka u Sqallija. Għal din l-edizzjoni tal-Festival tal-Ħobż fost il-mistednin ser ikun hemm il-kantanta Qormija Mikaela flimkien mal-band tagħha u kunċert mill-band popolari Airport Impressions.

Barra minnhekk matul din l-edizzjoni tal-Festa tal-Ħobż għat-tielet sena konsekuttiva qed terġa’ tiġi organizzata kompetizzjoni din id-darba ta’ ħobża tradizzjonali Maltija u jew ħobż ħelu (fruit tea bread) magħmula fid-dar u li għandha tinħema f’loaf tin.

Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet tkellmu wkoll Nenu Debono mill-kumpanija Maypole u s-Sindku ta’ Ħal Qormi Rosianne Cutajar li tat l-appoġġ tal-Kunsill Lokali lill-Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi fl-organizzazzjoni ta’ din l-attività. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  Il-Mediterranean Tourism Foundation tiltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela

PR262021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Il-Mediterranean Tourism Foundation t...

More Press Releases Right arrow