Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI

pr2007
Date Icon 14/09/2012

Mixi b’ritmu tajjeb ir-restawr fuq il-Kappella tal-Vitorja f’ Ħal Qormi – 14-il-kapella restawrata fl-aħħar snin.

Bħala parti mill-programm ta’ restawr fil-qalba tal-komunitajiet biex ikun priservat il-wirt storiku ta’ pajjiżna, id-Direttorat tar-Restawr fil-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali għaddej b’xogħol interessanti fuq il-Kappella tal-Vitorja f’ Ħal Qormi.  Fil-fatt bħalissa tlestiet il-parti ta’ fuq tal-kampnar li kellha ħsarat kbar filwaqt li qiegħed jitkompla l-kumplament tal-kampnar u nbeda x-xogħol fuq il-faċċata ta’ quddiem. 

Waqt żjara fuq il-post tax-xogħol, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino rringrazzja lill-ħaddiema li qed jagħmlu xogħol tajjeb ta’ restawr, filwaqt li qal li x-xogħol ta’ ħila tagħhom huwa investiment fil-passat għall-futur. Il-Ministru Pullicino qal li dan ix-xogħol jorbot mal-kullana ta’ proġetti simili li twettqu fl-aħħar snin fejn diġà ġew irrestawrati 14-il-Kapella u tmien proġetti ta’ restawr ta’ statwi, niċeċ u pitturi li jinsabu mxerrda fi gżiritna.

Il-Perit Jean Frendo mid-Direttorat tar-Restawr spjega li qabel inbeda x-xogħol tar-restawr, kellu jsir studju sabiex ikunu identifikati l-ħsarat u anke x’tip ta’ interventi kienu meħtieġa li jsiru. Il-ħsara identifikata saret mill-elementi naturali bħalma huwa tfarfir u imluħa fil-ġebla Maltija u anke swidija, kif ukoll ħsarat ikkaġunati minn granpuni u ħadid li kien imsammar ma’ l-istess ġebel tal-faċċata.  Għalkemm ma kienx jidher li kien hemm wisq gebel nieqes fuq il-faċċati tal-kappella madankollu kien hemm numru ta’ fatturi li qed jagħmlu ħsara lill-kappella fosthom tikħil bis-siment u żebgħa, ħmieġ u patina bijoloġika, kif ukoll il-kundizzjoni tal-ġebla, is-saqaf  u l-aperturi li kienu jinħtieġu intervent fl-immedjat. 

Il-parti ta’ fuq tal-kampnar kellha bżonn li titnaddaf sew mill-patina bijologika u sewda li kellha. Kien hemm ukoll partijiet tal-ġebel neqsin bħal per eżempju l-parti ta’ fuq nett fejn kien hemm imwaħħal pinnur tal-ħadid li saddad u qasam il-ġebla. Il-lavur nieqes reġa’ inħadem mill-ġdid fuq il-post billi l-ewwel inqatgħu l-partijiet tal-lavur li kienu kompletament immermrin u tqiegħed fil-post ġebel ġdid. Qed titwahhal ukoll sistema ta’ protezzjoni mill-ħamiem biex tipprotegi l-partijiet restawrati ġodda.

L-Kappella tal-Vitorja, li tagħmel mal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, hu maħsub li nbniet jew fl-1657 jew fl-1686 minflok knisja oħra li kienet iddedikata lill-Assunta.

Fl-1886, inbena l-arloġġ li hemm fil-kampnar minn Michelangelo Sapiano filwaqt li l-erba’ qniepen inħaddmu minn Ġulju Cauchi fl-istess perjodu li nħadem l-arloġġ.  Fuq ġewwa tal-kappella wieħed isib l-artal titulari bil-pittura ta’ Santa Anna u San Gwakkin bil-Madonna bħala tarbija li hu mifhum li ħarġet minn idejn Ġiuseppe Calì lura fis-sena 1890.  Mal-ġnub tal-artal maġġur, il-Kapella hi mżejna b’erba’ artali oħra, filwaqt li  l-istatwa tal-Madonna bħala tarbija inġabet fil-kappella fl-1942 mill-prokuratur ta’ dak iż-żmien Ġorġ Casha.

Ix-xogħol ta’ restawr fuq din il-kapella għandu jitlesta sa tmiem din is-sena.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  Il-Mediterranean Tourism Foundation tiltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela

PR262021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Il-Mediterranean Tourism Foundation t...

More Press Releases Right arrow