IL-GVERN IĦARES L-INTERESSI TAL-GĦAQDIET KOMUNITARJI LI JĦADDNU FIHOM TFAL U ŻGĦAŻAGĦ
Tingħata art pubblika lill-Iklin Scouts Groups
F’ċerimonja li saret illum wara nofsinhar, ippreseduta mill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi, ġie mħabbar trasferiment ta’ art pubblika li l-Gvern se jkun qed jgħaddi lill-Iklin Scouts Group. L-art li hija dik li qabel kienet il-kamra tan-nar ta’ Birkirkara, se tkun qed tingħata b’ċens temporanju, b’kirja ta’ 100 Ewro fis-sena b’reviżjoni kull ħames snin.
Il-Ministru Azzopardi qal li l-Gvern huwa kommess li jkompli jgħaddi art pubblika lill-għaqdiet li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jgħaqqad aktar tfal u żgħażagħ flimkien f’għaqdiet bħal m’huma l-iscouts, li l-għan aħħari tagħhom huwa li jippromwovi s-sens ta’ għaqda u tagħlim. Filfatt, spjega l-Ministru, il-Gvern għadda riżoluzzjoni Parlamentari sabiex din is-sena b’kollox se jkun qed jgħaddi 28 proprjetà lill-għaqdiet u organizzazzjonijiet varji.
L-iScouts tal-Iklin ilhom mwaqqfa għal dawn l-aħħar ħdax-il sena u l-għan ewlieni tagħhom huwa li jgħin lit-tfal jikbru b’karattru sod sabiex ikunu lesti jiffaċċjaw id-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom tul ħajjithom. Il-grupp li jħaddan fih mas-sittin membru huwa maqsum fi tliet sezzjonijiet; dik tal-Beavers, tal-Cubs u tat-Troop. Il-grupp jorganizza diversi attivitajiet fosthom hikes, campings, għawm kif ukoll jattendi għal attivitajiet kulturali organizzati mill-Kunsill Lokali.
Il-Ministru Azzopardi ddawwar mal-post fejn huwa maħsub li jiġi mibdul f’headquarters u sit għall-kampijiet biex b’hekk il-membri jkunu jistgħu jikkampjaw u anki jipprattikaw dak li jitgħallmu. B’dan il-mod il-membri jitgħallmu kif jgħixu f’komunità u jirrispettaw lil xulxin. Huwa maħsub ukoll li jsir ġnien bil-għan li l-membri jieħdu ħsieb il-pjanti u ħxejjex kif ukoll it-tħawwil tas-siġar. Dan iwassal biex il-membri jitgħallmu jkunu iktar indipendenti u responsabbli.
Ic-chairman tal-Kunsill tal-Grupp, is-Sur Noel Borg spjega li permezz ta’ din l-art, il-grupp se jkollu post adegwat fejn ilaqqa’ l-membri tiegħu f’ambjent sabiħ u li żgur jawgura għal aktar żieda fil-membri tiegħu. Is-Sur Borg qal li l-grupp iħares b’ottimiżmu kbir għal dan il-proġett sabiex ikun adegwat.
“Il-Gvern iħares lejn dan il-proġett bħala investiment lejn il-ġenerazzjoni futura”, saħaq Azzopardi. Fi kliem Azzopardi din hija turija oħra li l-Gvern għandu fl-interess li joffri postijiet lil dawn l-għaqdiet li tant jagħmlu ġid għall-komunità Maltija u Għawdxija kollha. F’dawn il-gruppi, qal Azzopardi, tinħoloq is-sens ta’ għaqda li tgħin ukoll lill-membri jiffurmaw il-karattru tagħhom b’mod li jgħinu u jifhmu aktar lin-nies ta’ madwarhom.
Fl-aħħar nett il-Ministru Azzopardi awgura lil din l-għaqda sabiex jagħmlu użu tajjeb minn dan il-post li se jkun qed isarraf f’ġid għall-membri tagħha. Huwa qal li l-Gvern se jkompli jaħdem sabiex tkompli tingħata aktar art pubblika lil dawn l-għaqdiet u assoċjazzjonijiet.
Stqarrijiet Oħra:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021