Left arrow Go Back

IL-GVERN IĦARES L-INTERESSI TAL-GĦAQDIET KOMUNITARJI LI JĦADDNU FIHOM TFAL U ŻGĦAŻAGĦ

pr2000
Date Icon 14/09/2012

Tingħata art pubblika lill-Iklin Scouts Groups

F’ċerimonja li saret illum wara nofsinhar, ippreseduta mill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi, ġie mħabbar trasferiment ta’ art pubblika li l-Gvern se jkun qed jgħaddi lill-Iklin Scouts Group. L-art li hija dik li qabel kienet il-kamra tan-nar ta’ Birkirkara, se tkun qed tingħata b’ċens temporanju, b’kirja ta’ 100 Ewro fis-sena b’reviżjoni kull ħames snin.

Il-Ministru Azzopardi qal li l-Gvern huwa kommess li jkompli jgħaddi art pubblika lill-għaqdiet li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jgħaqqad aktar tfal u żgħażagħ flimkien f’għaqdiet bħal m’huma l-iscouts, li l-għan aħħari tagħhom huwa li jippromwovi s-sens ta’ għaqda u tagħlim. Filfatt, spjega l-Ministru, il-Gvern għadda riżoluzzjoni Parlamentari sabiex din is-sena b’kollox se jkun qed jgħaddi 28 proprjetà lill-għaqdiet u organizzazzjonijiet varji.

L-iScouts tal-Iklin ilhom mwaqqfa għal dawn l-aħħar ħdax-il sena u l-għan ewlieni tagħhom huwa li jgħin lit-tfal jikbru b’karattru sod sabiex ikunu lesti jiffaċċjaw id-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom tul ħajjithom.  Il-grupp li jħaddan fih mas-sittin membru huwa maqsum fi tliet sezzjonijiet; dik tal-Beavers, tal-Cubs u tat-Troop. Il-grupp jorganizza diversi attivitajiet fosthom hikes, campings, għawm kif ukoll jattendi għal attivitajiet kulturali organizzati mill-Kunsill Lokali.

Il-Ministru Azzopardi ddawwar mal-post fejn huwa maħsub li jiġi mibdul f’headquarters u sit għall-kampijiet biex b’hekk il-membri jkunu jistgħu jikkampjaw u anki jipprattikaw dak li jitgħallmu. B’dan il-mod il-membri jitgħallmu kif jgħixu f’komunità u jirrispettaw lil xulxin. Huwa maħsub ukoll li jsir ġnien bil-għan li l-membri jieħdu ħsieb il-pjanti u ħxejjex kif ukoll it-tħawwil tas-siġar. Dan iwassal biex il-membri jitgħallmu jkunu iktar indipendenti u responsabbli.

Ic-chairman tal-Kunsill tal-Grupp, is-Sur Noel Borg spjega li permezz ta’ din l-art, il-grupp se jkollu post adegwat fejn ilaqqa’ l-membri tiegħu f’ambjent sabiħ u li żgur jawgura għal aktar żieda fil-membri tiegħu. Is-Sur Borg qal li l-grupp iħares b’ottimiżmu kbir għal dan il-proġett sabiex ikun adegwat.

“Il-Gvern iħares lejn dan il-proġett bħala investiment lejn il-ġenerazzjoni futura”, saħaq Azzopardi. Fi kliem Azzopardi din hija turija oħra li l-Gvern għandu fl-interess li joffri postijiet lil dawn l-għaqdiet li tant jagħmlu ġid għall-komunità Maltija u Għawdxija kollha. F’dawn il-gruppi, qal Azzopardi, tinħoloq is-sens ta’ għaqda li tgħin ukoll lill-membri jiffurmaw il-karattru tagħhom b’mod li jgħinu u jifhmu aktar lin-nies ta’ madwarhom.

Fl-aħħar nett il-Ministru Azzopardi awgura lil din l-għaqda sabiex jagħmlu użu tajjeb minn dan il-post li se jkun qed isarraf f’ġid għall-membri tagħha. Huwa qal li l-Gvern se jkompli jaħdem sabiex tkompli tingħata aktar art pubblika lil dawn l-għaqdiet u assoċjazzjonijiet.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  Il-Mediterranean Tourism Foundation tiltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela

PR262021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Il-Mediterranean Tourism Foundation t...

More Press Releases Right arrow