DISKORS MILL-ONOR DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL, WAQT L-GĦOTI TAL-BOROŻ TA’ STUDJU TAL-ARTI, FIS-SALA TAL-AMBAXXATURI, IL-BERĠA TA’ KASTILJA, VALLETTA – L-ERBGĦA, 12 TA’ SETTEMBRU 2012
Illum huwa mument importanti għax qed inkomplu nagħtu opportunitajiet liż-żgħażagħ li jeċċellaw fit-talent tagħhom biex jispeċjaliżżaw fil-professjoni artistika tagħhom.
Għalija huwa moment ta’ sodisfazzjon kbir, għaliex din kienet ħolma li kellna snin ilu, u issa ġa qegħdin fit-tielet ċerimonja tal-premjazzjoni tal-Malta Arts Scholarships. Skema li ġiet imnieda fl-2010.
Kien tlett snin ilu li kont tajt id-direzzjoni biex inwaqqfu skema ta’ Scholarships tal-Arti, biex studenti li jixtiequ jispeċjalizzaw f’dan is-settur, ma jkunux żvantaġġjati minn oqsma oħrajn, li għalihom hemm ħafna opportunitajiet f’pajjiżna. Xtaqna li l-artisti tagħna jkollhom opportunità u għajnuna tanġibbli biex il-ħolma tagħhom issir realtà, speċjalment meta jiġu fi stadju ta’ speċjalizzazzjoni li jmorru barra minn Malta.
U allura, kien propju fl-2010 li ġie mniedi għall-ewwel darba dan il-fond, b’investiment ta’ €200,000 fis-sena. F’dawn l-aħħar tlett snin se jkunu ngħataw total ta’ 36 scholarship, f’għażla diffiċli li dejjem ikollu il-bord tal-għażla, f’kompetizzjoni qalila li kien hemm fost madwar 170 applikant li applikaw f’dawn it-tlett snin.
Peress li l-livell tal-applikanti qiegħed ikun wieħed għoli ħafna, n-numru tal-applikanti qiegħed ukoll jiżdied, u sfortunatament anke il-miżati tal-istituzzjonijiet barrannin qiegħed jgħolla kull sena; b’sodisfazzjon kbir insemmi li minn din is-sena żidna l-investiment b’20% oħra, biex fl-aħħar budget żdied il-fond minn €200,000 għal €240,000 fis-sena. Din hija prova oħra ta’ kemm il-Gvern jemmen fl-opportunitajiet hekk speċjalizzata f’dan il-qasam li għandha tingħata liż-żgħażagħ tagħna.
Tajjeb li wieħed jagħmel aċċenn fuq il-politika ta’ investiment qawwi li qed nagħmlu fl-oqsma tal-iScholarships.
Il-Gvern qed jinvesti ħafna biex jagħti u jkabbar l-opportunitajiet liż-żagħżagħ tagħna, li sa ftit snin ilu kienu jixxenqu u jħossuhom inferjuri ma’ sħabhom studenti Ewropej. B’hekk naħseb waħda mill-aktar deċiżjonijiet importanti li ħa dan il-Gvern, kien l-investiment qawwi li għamel fl-iskemi ta’ boroż ta’ studju.
F’mument meta ħafna pajjiżi qed jintroduċu miżuri ta’ tnaqqis qawwi fl-infieq, aħna fl-2012 żidna l-investiment fl-iScholarships. Il-fond tal-MGSS żdied minn €466,000 għal €900,000; l-Arts Scholarships żdiedu kif diġa’ għedt minn €200,000 għal €248,000, u din is-sena introduċejna wkoll l-iScholarships fl-Isports, b’fond ta’ €120,000, li tagħhom kellna ċ-ċerimonja l-bieraħ. Dan kollu huwa nefqa ta’ madwar €600,000 aktar mill-2011 minn fondi nazzjonali. Wieħed irid jħares lejn din iż-żieda fil-kuntest fejn it-total għal din is-sena huwa ta’ madwar 5.3 Miljun Ewro Scholarships, li jinkludu madwar €1.8 miljun fl-iSTEPS; €900,000 fl-MGSS; €240,000 fl-iScholarships tal-Arti; €120,000 fl-iskema tal-ischolarships tal-iSports; €1819297 (€1.82miljun) fi skemi ta’ scholarships mill-ETC (TSSA) u mill-MCAST (TSSM) u MGSS-Undergraduate li jammontaw għal madwar €820,000.
Sinjuri, naħseb li taqblu miegħi, li l-iktar investiment importanti ta’ pajjiż huwa fl-edukazzjoni u li dan il-Gvern għaraf jara x’kienu l-prijoritajiet f’dan il-qasam, u eżempju ċar fost il-ħidma kbira li saret fis-settur edukattiv, kien propju il-qasam tal-iScholarships. Però mhux biss. Il-Gvern qed iħares lejn l-industrija tal-Kreattività b’mod aktar holistiku wkoll. Propju ftit ġimgħat ilu tħabbar l-ewwel dokument fuq il-politika tal-Gvern għal dan il-qasam, li juri wkoll l-impenn tagħna biex f’dan is-settur tikber il-professjonalita’ ta’ dawk li jaħdmu fiha, li għaliha qed naħdmu ħafna.
Ma nistax ma nagħmilx aċċenn żgħir għal proġett kbir li għandu il-Gvern għall-qasam tal-Arti. Huwa propju il-pjan ta’ bini u t-twaqqif ta’ Akkademja tal-Arti li tkun tinkorpora fiha l-iskejjel tal-Mużika, tal-Arti, tad-Drama w Żfin, fejn nixtiequ li minbarra li jkun post ta’ speċjaliżżazzjoni f’dawn l-oqsma, noħolqu wkoll dak li llum nirreferu għalihom bħala ‘alternative pathways’. Nixtiequ li noħolqu opportunitajiet għal tfal żgħar, biex sa mis-snin tal-primarja, jkollhom programm skolastiku b’enfasi fuq dawn l-oqsma, biex jiżviluppaw it-talent tagħhom sa minn eta’ zgħira u jkunu jistgħu jkollhom it-triq ta’ speċjaliżżazzjoni sa minn eta żgħira. Nemmnu allura wkoll, li dawn l-artisti li bbenefikaw minn Scholarship fl-Arti, il-quddiem se jkollhom l-opportunita’ biex ikunu jistgħu huma stess, iħaddnu l-professjoni tagħhom lura f’pajjiżna, bil-kontribut li jkunu jistgħu jagħtu f’oqsma u opportunitajiet ġodda li ġġib magħha instituzzjoni bħall-Akkademja tal-Arti.
Aħna dan is-settur qed nagħtuh l-importanza xierqa tiegħu. Madwar terz mill-14,000 persuna li jattendu korsijiet ta’ filghaxija offruti mid-Direttorat tat-Taghlim tul il-hajja, jattendu korsijiet relatati mal-Arti kif ukoll fl-iskejjel tal-Mużika, l-Arti u d-Drama li aħna għandna.
Apparti x-xogħol siewi li qed isir fi ħdan id-Direttorat, anke fl-Università issa giet imnedija wkoll l-iSchool of Performing Arts, fejn se jkun hemm emfasi akbar fuq l-arti performattiva. Fl-Universita, minbarra l-izvilupp li kompla jsir fl-oqsma tal-Muzika, l-Arti u t-Teatru, issa ftaħna wkoll il-qasam taż-Żfin, u allura dawn ser isibu l-milja tagħhom fl-iSchool of Performing Arts, fejn sar investiment sostanzjali.
Il-Gvern kompla jwessa’ l-għajnuna tiegħu fil-qasam krejattiv u kulturali. Insemmi fost l-ohrajn inizjattivi li jiġu ffinanżjati mill-Malta Arts Fund kif ukoll il-programm Kreattiv – fejn qed tingħata għajnuna tangibbli lill-Artisti tagħna biex ikunu jistgħu iħaddnu t-talent tagħhom lokalment mas-soċjeta tagħna, b’mod partikolari f’xogħol li jagħmlu mal-iskejjel u l-istudenti taghna. Dan kollu jghin sabiex inkomplu inkabbru l-apprezzament ghall-Arti b’mod holistiku.
Aħna nħarsu wkoll lejn ċertu setturi mhux governattivi, li qed jagħtu kontribut siewi f’pajjiżna u ma nqasniex li ngħinhuhom. Jigini f’moħħi investiment li għamel il-Gvern f’inizjattiva biex jiġu ffinanżjati progetti mill-Baned Maltin u Għawdxin li jkunu marbuta mat-Taghlim tal-Mużika. Dawn huma kollha għajnuniet li qabel kienu biss xewqat, u issa rnexxielna nibdluhom f’realta’.
Ovvjament, l-iScholarships m’humiex stipendji. Filwaqt li l-istipendji qegħdin hemm għal kulħadd, l-ischolarships huma fond li jitqassam wara selezzjoni kompetittiva. Kull min japplika jkollu talent speċjali, iżda sfortunatament mhux kulħadd ikun jista jiġi mgħejjun. U bl-ebda mod ma jitneħħa l-mertu tat-talent ta’ min ma jiġix magħżul. Aħna nafu kemm huwa diffiċli l-proċess tal-għażla, u għalhekk nixtieq hawnhekk minn qalbi nirringrazzja lill-esperti li għandna fuq il-Bord tal-Għażla għax-xogħol u l-kontribut siewi li dejjem jagħtu. Nirringrazzja lis-sur Caldon Mercieca, li din is-sena ħa wkoll il-kariga ta’ Chairperson tal-Bord tal-Għażla.
Nixtieq ukoll nirringrazzja b’mod speċjali lid-Direttur tad-Direttorat tat-Tagħlim Tul il-Ħajja, s-sur Mario Azzopardi, li b’tant passjoni, rettezza u dedikazzjoni, huwa jikkoordina dawn l-iskemi.
Nispiċċa billi nawgura lil dawk kollha li llum qed jiġu ppremjati, kif ukoll lil dawk li sfortunatament ma ġewx magħżula, ħafna suċċessi fil-karriera tagħhom. J’Alla jsibu s-sodisfazzjon aħħari tagħhom meta jaqsmu t-talenti tagħhom mal-komunita’ tal-gzejjer tagħna, kif ukoll ikomplu jsaħħu l-isem ta’ pajjiżna waqt l-istudji u fil-karriera tagħhom meta jkunu barra minn Malta.
Grazzi u awguri lil kulħadd.
Other Press Releases:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021