IL-YOUTH WORKERS SE JIĠU RIKONOXXUTI BĦALA PROFESSJONI F’PAJJIŻNA
Wasal iż-żmien li x-xogħol fost iż-żgħażagħ jibda jitqies bħala professjoni vera u propja. Dan ikun ta’ vantaġġ għal dawk li studjaw u tħarrġu fid-dixxiplina tal-youth work kif ukoll ta’ vantaġġ kbir għaż-żgħażagħ li fosthom jaħdmu il-youth workers. Għal dan il-għan il-Gvern se jkun qed iressaq l-Att li jirregola l-Professjoni tal-Youth Work quddiem il-Parlament il-ġimgħa d-dieħla.
Dan ħabbru l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport waqt żjara li għamel lill-istudenti l-ġodda tad-Dipartiment tal-Youth and Community Studies li se jkunu qed jibdew l-istudji tagħhom fl-Universita’ minn nhar it-Tnejn li ġej.
Puli saħaq li permezz tal-Youth Work Profession Act, il-Youth Workers se jkollhom warrant bħal m’għandhom professjonisti oħra f’diversi oqsma fosthom l-għalliema, s-social workers u l-infermiera li mhux biss tagħtihom rikonoxximent professjonali għax-xogħol li jagħmlu maż-żgħażagħ, iżda li tpoġġi wkoll responsabbiltajiet ġodda b’linji gwida u kodiċi ta’ etika professjonali.
Is-Segretarju Parlamentari qal li din il-liġi hija milja oħra importanti fil-qasam tal-politika u l-ħidma fost iż-żgħażagħ. Hu fakkar li matul din il-leġiżlatura il-Gvern waqqaf laħaq miljiet importanti oħra f’dan il-qasam. Fost dawn il-miljiet il-Gvern waqqaf Aġenzija Żgħażagħ li hija għodda importanti, għaliex tassigura li l-politika tal-Gvern tkun qiegħda f’kull każ tikkunsidra l-perspettiva u l-aspirazzjonijiet taż-żagħżagħ, hekk kif espressi miż-żgħażagħ infushom fil-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ. L-Aġenzija qed tagħmel riċerka dwar iż-żgħażagħ biex tgħin fit-tfassil ta’ politika adekwata.
Fakkar wkoll kif il-Gvern fetaħ Youth Cafes, li qed joffru lok ta’ divertiment alternattiv u edukazzjoni informali liż-żgħażagħ fil-preżenza ta’ Youth Workers; nieda programm Nazzjonali ta’ empowerment li qed jagħti ħiliet għal tul il-ħajja liż-żgħażagħ permezz ta’ edukazzjoni mhux formali, fosthom il-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ, programmi ta’ taħriġ f’leadership, u inizjattivi biex tissaħħaħ il-kreativita’ taż-żgħażagħ bħal drama, arti, kant, mużika u kitba. L-Onor Puli qal li Aġenzija Żgħażagħ illum tamministra wkoll żewġ Youth Activity Centres li għandha l- f’Marsaxlokk u f’Villa Psaigon f’Ħad-Dingli.
Is-Segretarju Parlamentari qal li dan kollu jkompli jibni fuq l-miljiet li l-Gvern laħaq fil-leġiżlaturi ta’ qabel. Fakkar kif fl-1992 twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u saret l-ewwel Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ li ġiet aġġornata mill-ġdid fl-2010. Fl-1993 il-Gvern kien waqqaf l-Institute of Youth Studies li serva biex jitlestew pedamenti sodi fuq xiex stajna inkomplu nibnu. Is-Segretarju Parlametari qal li minn meta twaqqaf dan id-dipartiment madwar 250 student ggradwaw fil-youth work u bħalissa qed isiru wkoll korsijiet fuq livell ta’ Masters. Hu fakkar wkoll kif fl-1998 l-ewwel grupp ta’ studenti li gradwa fil-Youth Work waqqfu l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Youth Workers, il-MAY li ħames snin wara nedew l-ewwel linji gwida għall-Youth Workers. Fl-2003 il-MAY kienet rikonoxxuta bħala assoċjazzjoni ta’ professjonisti u llum flimkien ma’ professjonisti oħra il-youth workers qed ikunu ikkonsultati f’diversi oqsma.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-Youth Work f’pajjiżna ilu jevolvi għal dawn l-aħħar snin, fil-fatt wieħed jista’ jsib l-oriġini tiegħu fix-xogħol maż-żgħażagħ fil-parroċċi, fil-każini tal-banda, fl-iscouts u f’volontarjat ieħor. Huwa tenna li l-prinċipji tal-youth work huma mibnija fuq il-parteċipazzjoni volontarja taż-żgħażagħ; l-informalità, l-integrità u l-etika, u emanċipazzjoni taż-żgħażagħ. Kompla li għalhekk il-ħidma maż-żgħażagħ tiffoka fuq iż-żgħażagħ fl-istadji partikolari fil-ħajja tagħhom meta jkunu qed jiżviluppaw l-għarfien tagħhom, jfittxu tweġibiet u jibdew jesploraw twemmin tagħhom, il-valuri u l-għażliet. Fil-kliem ieħor ix-xogħol maż-żgħażagħ huwa essenzjali fiż-żmien li ż-żgħażagħ ikunu għaddejjin minn trasizzjonijiet kbar f’ħajjithom.
Ir-rwol tal-Youth Workers huwa li jgħin liż-żgħażagħ biex jibnu self-esteem u kunfidenza; jiżviluppaw il-kapaċità li jimmaniġġjaw relazzjonijiet personali u soċjali; jitgħallmu u jiżviluppaw ħiliet ġodda; u li jikkunsidraw ir-riskju, u jieħdu deċiżjonijiet raġunati u jkollhom l-kontroll tal-ħajja tagħhom stess.
L-Onor Puli awgura lill-istudenti kollha li fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jibdew kors universitarju partikolarment lil dawk l-istudenti li se jkunu qed jiffukaw l-istudji tagħhom f’oqsma marbuta direttament maż-żgħażagħ.
Preżenti għall-din l-attivita’ kien hemm Dr Albert Bell, Kap tad-Dipartiment tal-Youth and Community Studies, Dr Maureen Cole, id-Dekan tal-Fakulta u Miriam Teuma, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ.
Stqarrijiet Oħra:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021