Left arrow Mur Lura

INVESTIMENT QAWWI FL-INFRASTRUTTURA TA’ SAN PAWL IL-BAĦAR, BUĠIBBA U L-QAWRA

pr2394
Date Icon 07/12/2011

Il-Gvern u l-Kunsill Lokali qed jinvestu u jtejbu l-infrastruttura ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra fl-interess tar-residenti u tas-sidien tan-negozji.  Fix-xhur li għaddew tlestew ix-xogħlijiet fuq 11-il triq residenzjali, tlesta u kien inawgurat il-proġett tal-promenade ta’ San Pawl il-Baħar b’investiment ta’ €1.3 miljun b’fondi Ewropej. Bħala destinazzjonijiet turistiċi, b’konċentrazzjoni qawwija ta’ lukandi, dawn il-lokalitajiet jinħtieġu wkoll attenzjoni u investiment kontinwu biex il-prodott turistiku li joffru jkompli jitjieb. Fil-fatt f’dawn l-aħħar ġimgħat beda x-xogħol fuq l-aquarium fil-Qawra  b’investiment ta’ €15.6 miljun (€8.85 miljun ko-finanzjati mill-UE) u qed jitkomplew il-pjanijiet sabiex jinbena water park fuq il-front ta’ Bugibba u wkoll pjanti ghall-estensjoni tal-gnien pubbliku li jghaqqad Kennedy Grove ma’ l-inhawi tas-Salina u l-Qawra.

Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, Chris Said u mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mit-Turiżmu, Mario de Marco, li matulha tnediet mappa artistika tal-lokalita’ li tinkludi informazzjoni utli għat-turisti dwar is-siti storiċi, kulturali u ta’ divertiment li jinsabu f’dawn l-inħawi.  Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mis-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Graziella Galea li raddet ħajr lil diversi NGOs u individwi li taw sehemhom sabiex ittieħdet din l-inizjattiva.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li filwaqt li San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra huma lokalitajiet tradizzjonalment turistiċi, l-ewwel u qabel kollox il-Kunsill Lokali għandu jaħdem sabiex titjieb l-infrastruttura li titgawda u tintuża mir-residenti 365 jum fis-sena. Hu għalhekk li l-Gvern fehem li għandu jgħin lil din il-lokalita’ sabiex bl-iskema tal-Public Private Partnership (PPP) għat-toroq residenzjali isiru madwar 40 triq b’investiment komplessiv ta’ €1.3 miljun. Ix-xoghol jinvolvi l-bdil tas-servizzi u l-bini mill-gdid tat-triq. S’issa tlestew 11-il triq inkluż ħamsa bil-PPP. Dawn huma Triq l-Alka, Triq il-Lampuki, Triq Patri Felic Sammut, Triq ir-Ramel, Triq iċ-Ċagħaq, Triq il-Lixka, Triq ix-Xolfa, Triq il-Laċċi, Triq il-Kavalli, Triq id-Dolmen, u Triq l-Imsell. Sa tmiem din is-sena hu ppjanat li jkunu tlestew numru ta’ toroq oħra.

Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco qal li l-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, Bugibba u l-Qawra huma importanti ħafna għas-settur turistiku. Minbarra li dawn l-inħawi jinkludu fihom ammont sostanzjali ta’ lukandi, ristoranti u stabbilimenti li jiffrekwentaw t-turisti, huma nħawi li huma mgħammra wkoll b’diversi psotijiet ta’ wirt storiku u kulturali. Mario de Marco qal li l-Gvern qed jinvesti fil-prodott turistiku ta’ dawn l-inħawi għaliex jgħaraf li pajjiżna jenħtieġ l-investiment infrastrutturali u kapitali biex jibqa’ kompettitiv u jibqa’ jiġġedded. Hu qal li l-mappa artistika hija wkoll inizjattiva fil-prodott turistiku ta’ pajjiżna li tagħti informazzjoni utli lil barranin li jżuruna fuq btala.

Is-Segretarju Parlamentari de Marco qal li pajjiżna qed ikollu riżultati pożittivi fis-settur turistiku. Statistika riċenti tal-NSO turi li pajjiżna qed ikollu riżultati pożittivi fi tlett indikaturi ewlenin tat-turiżmu. Spjega li fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena,  n-numru ta’ turisti kien ta’ 1,274,251 li jfisser żieda ta’ 70,970 turist (+5.9%) fuq l-istess perjodu fl-2010, li kienet sena rekord.

It-total ta’ iljieli li t-turisti qattgħu f’Malta qabeż l-€10.5 miljun, li jfisser żieda ta’ 380,000 lejl fuq l-istess perjodu s-sena li għaddiet.  In-nefqa tat-turisti bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena qabżet il-€1.125 biljun li tfisser żieda ta’ aktar minn €89 miljun fuq l-istess perjodu tas-sena 2010. Dr de Marco qal li dawn ir-riżultati huma frott l-isforz kollettiv tal-Gvern, l-MTA, l-Kunsilli Lokali u l-istakeholders kollha. Ħu ħeġġeġ biex dawn jibqgħu jaħdmu flimkien għal aktar titjib fis-settur turistiku.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għawdex 2026’, biċ-ċelebrazzjonijiet jibdew bil-kunċert spettakolari ‘Christmas It’s Time’

PR262013

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għa...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  FITA: 25 sena ta’ ħidma biex it-teknoloġija tkun aċċessibbli għal kulħadd

PR262012

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...

Aktar Stqarrijiet Right arrow