Left arrow Go Back

RIKONOXXIMENT LEJN IL-BŻULIJA TAL-ĦADDIEM MALTI

pr2381
Date Icon 06/12/2011

Il-ħaddiem Malti għandu fiduċja sħiħa fl-ekonomija Maltija. B’ħidmietu, u bl-għaqal u bis-serjetà tal-Gvern u l-imsieħba soċjali, il-pajjiż qed jirnexxielu jirbaħ il-maltemp ikkawżat mill-kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali.  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena hu biss sinjal żgħir tar-rikonoxximent tagħna lkoll lejn il-bżulija tal-ħaddiem Malti.

Dan sostnieh is-Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika Chris Said meta dalgħodu nieda l-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2012 waqt żjara li għamel fil-fabbrika tal-ST Micro Electronics. Hu kellu ċ-ċans jiltaqa’ ma’ numru mill-ħaddiema impjegati tal-kumpanija fosthom ma’ Joseph Debono, li s-sena li għaddiet ingħata għarfien speċjali waqt is-serata finali tal-PNĦS 2011. Preżenti waqt iż-żjara kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-PNĦS Frans Borg, l-ogħla uffiċjali tal-ST Microelectronics, u Vickie Gauci ir-rebbieħa tal-PNĦS 2011.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li matul l-2011 l-ekonomija Maltija kibret bi 2.8 fil-mija li jfisser 1.1 fil-mija aktar mill-medja tal-UE. Malta rreġistrat waħda mill-anqas rati ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea tant li l-persuni bla xogħol huma 6.5 fil-mija. Sa Mejju ta’ din is-sena, dawk jaħdmu bi qligħ żdiedu b’1,600 biex qabżu l-148,500.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li f’mument meta d-dinja qed tipprova tevita riċessjoni oħra, il-ħaddiem Malti jibqa’ l-aqwa riżorsa biex l-investiment jinżamm f’pajjiżna u biex ikun attirat investiment ġdid. Hu semma kif il-Gvern qed jagħti €14.2 miljun f’inċentivi lill-industrija biex jinħolqu aktar impjiegi; qed joħloq f’aktar skemi biex l-ETC tħarreġ aktar ħaddiema; u qed inaqqas l-income tax għall-SMEs li jinvestu u jimpjegaw aktar.

F’Malta l-ST illum tħaddem  mal-1,600 ruħ - 30% minnhom għandhom kwalifiki fl-inġinerija jew kwalifiki tekniċi mill-Università ta’ Malta u mill-MCAST.  Fl-aħħar sentejn din il-kumpanija investiet f’attivitajiet teknoloġiċi fil-manufattura ta’ komponenti elettronici biex illum l-impjant ta’ Malta jipproduċi l-aktar semi-conductors avvanzati għas-swieq tal-industriji fl-elettronika, fit-telekomunikazzjoni, għall-apparat mediku u għall-aktar karozzi lussużi. L-ST hi meqjusa  l-akbar kumpanija ta’ manifattura għall-esportazzjoni u tilħaq swieq fl-Istati Uniti, fl-Ewropa ,fl-Asja u fil-Ġappun.

Chris Said fisser l-apprezzament tal-Gvern għall-impenn tal-ST biex tieħu ħsieb u tħares lill-ħaddiema għaliex huma r-riżorsi ewlenija tagħha. Hu semma kif il-fabbrika tal-ST f’Malta għadha kif kisbet għarfien internazzjonali biċ-certifikazzjoni mill-Bureau Veritas International, u ngħatat l-istandards stringenti tal-EMAS: ISO14001 u OHSAS18001 għall-ħarsien okkupazzjonali  u l-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fost il-ħaddiema.  Il-kumpanija qed tkompli tinvesti fil-ħiliet tal-ħaddiema hekk kif bi sħab mal-Università ta’ Malta bdiet programm ta’ riċerka avvanzata biex riċerkaturi żgħażagħ jiksbu t-taħriġ u l-għarfien l-aktar avvanzat.

Iċ-Chairman tal-PNĦS Frans Borg qal li dan il-Premju hu rikonoxximent ieħor lejn ħidmet il-ħaddiema Maltin li huma s-sisien tal-ekonomija Maltija.  Frans Borg spjega li n-nominazzjonijiet għal dan il-premju jistgħu jsiru minn individwi, ħaddiema u/jew il-kapijiet tagħhom, Korpi Kostitwiti, Unions tal-ħaddiema, u Għaqdiet Volontarji inklużi l-NGOs.  Għall-ewwel darba din is-sena jistgħu jiġu nominati gruppi ta’ ħaddiema.  In-nominazzjonijiet jagħlqu fit-2 ta’ Marzu 2012.    Hu spjega wkoll kif fil-bidu ta’ Frar li ġej, il-kumitat organizzattiv se jorganizza konferenza ta’ ġurnata nit-tema “Insaħħu l-Ħaddiem” filwaqt li s-serata finali fejn ikun imħabbar il-Ħaddiem tas-Sena se ssir f’Għawdex lejn tmiem April.

Il-kumitat organizzattiv tal-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2012 jista’ jiġi kkuntattajat fuq  2200 1261 jew josette.refalo@gov.mt.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għawdex 2026’, biċ-ċelebrazzjonijiet jibdew bil-kunċert spettakolari ‘Christmas It’s Time’

PR262013

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għa...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  FITA: 25 sena ta’ ħidma biex it-teknoloġija tkun aċċessibbli għal kulħadd

PR262012

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...

More Press Releases Right arrow