Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, WAQT KONFERENZA TAL-AĦBARIJIET DWAR IX-XORB EĊĊESSIV U S-SEWQAN – IL-BELT VALLETTA – IT-TNEJN 5 TA’ DIĊEMBRU 2011

pr2376
Date Icon 05/12/2011

Ta’ kull sena, niltagħu hawn flimkien ma’ rappresentanti minn entitajiet differenti, biex nfakkru lill-poplu tagħna li x-xorb alkoħoliku u s-sewqan ma jmorrux flimkien.  Ħa nibda fuq nota posittiva.  Qed naraw li mhux qed ikollna mwiet fi żmien il-festi b’riżultat ta’ sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol.  Din hija aħbar tajba u nixtiequ li nżommu dan ir-rizultat tajjeb billi nkomplu nrawmu sens ta’ responsabbiltà għalina nfusna u għas-soċjetà kollha. 


Iżda, l-aħbar tajba tieqaf hemm.  Sfortunatament, din is-sena ukoll rajna numru dejjem jikber ta’ inċidenti ta’ traffiku f’pajjiżna u li ġabu magħhom mwiet.  Skont il-Eurostat, qed nitilfu medja ta’ 16-il persuna f’inċidenti tat-traffiku kull sena.  L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jirrapporta li fl-ewwel tliet xhur tas-sena, kellna 3294 inċident, b’ 42 persuna ikorru gravi.  Dawn m’humiex figuri li nixtiequ naraw u li rridu flimkien naħdmu biex innaqsu.


Fuq livell internazjonali, madwar 1.3 miljun bniedem imut kull sena b’riżultat ta’ inċidenti tat-traffiku.  Dan minbarra dawk l-korrimenti, ħafna minnhom gravi, u li jwasslu għal ħafna tbatija u qsim il-qalb kemm għall-vittmi kif ukoll għall-familjari tagħhom.


Din is-sena, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa nediet għaxar snin ta’ ħidma u għarfien dwar inċidenti tat-traffiku, li fl-Ewropa biss joqtlu madwar 35,000 persuna.  Dawn l-għaxar snin li jwaslu sas-sena 2020, ser irawmu aktar tagħrif u kuxjenza dwar is-sewqan għaqli u ta’ responsabbiltà.  F’dan il-perjodu huwa stmat li jistgħu jsalvaw mal-1.9 miljun ħajja minn madwar id-dinja kollha.


L-inċidenti tat-traffiku huma l-akbar qattiel fost iż-żgħażagħ bejn l-età ta’ 15 u 29 sena.  Hija vera ħasra li inċidenti tat-traffiku joqtlu l-aktar nies li għadhom żgħar fl-età, meta għadhom fl-aħjar żmien ta’ ħajjithom u fi żmien meta għadhom qed jibnu b’ambizzjonijiet tagħhom.  Dawn huma kollha mwiet ħafna qabel żmienhom.  Huwa pjuttost għalhekk li għandna bżonn aktar għarfien dwar sewqan bil-għaqal, ir-regolamenti tat-traffiku u mġieba aktar responsabbli fit-triq.


Illum il-ġurnata, kullħadd jaf li ma tistax tixrob alkoħol u ssuq.  Il-konsum tal-akoħol fih innifsu għandu jkun responsabbli, inkunu fejn inkunu u f’kull età.  Anke dawk in-nies li jaħsbu li jifilħu għall-alkoħol m’għandhomx jabbużaw minnu.  Iżda ħadd m’għandu jixrob u jsuq.  Persuna li ssuq meta tkun xorbot l-alkoħol tkun qed tipperikola ħajjitha, dawk tal-passiġġieri tagħha u anke ta’ nies fit-triq. 


X’nistgħu nagħmlu aħna biex nevitaw għall-anqas numru minn dawn l-inċidenti?  Ix-xorb u s-sewqan ma jmorrux flimkien.  Minn jixrob ta’ spiss jaf biżżejjed li ħadd ma jista’ jikkontrolla vettura meta jkun xorob.  Minn naħa l-oħra, min mhux imdorri jixrob, u ma jkollux esperjenza ta’ sewqan, iżjed u iżjed ma jkunx jista’ jikkontrolla l-karozza.


Għandna l-liġi li tkopri kemm bniedem jista’ jixrob jekk ser isuq u l-limitu hawn Malta huwa ta’ 0.08g/dl.  Din il-figura turi l-ammont ta’ alkoħol li jkun hemm fid-demm tal-bniedem.  Din il-liġi qegħda hemm biex tipproteġi lil kull wieħed u waħda minnha.  Iżda li forsi ma nirreallizzawx huwa li dan l-ammont ifisser grokk jew tazza nbid waħda biss u hemm min anke dan huwa ħafna!  Aħna nafu ukoll li ħafna minna meta nixorbu ma nifqux mal-ewwel grokk jew tazza nbid. 


Mela naħsbu minn qabel u nippjanaw li s-sewqan inħalluh f’idejn minn ma jixrobx.  Nixtiequ li nibnu kultura fejn kull minn ser isuq, ma jixrobx.  B’dan il-mod, inkunu qed innaqsu ħafna tbatija bla bżonn, ħafna nkwiet għall-ġenituri li jinkwetaw jekk uliedhom hux se jaslu lura d-dar qawwijin u sħaħ wara ħarġa ta’ divertiment, u ħajjiet mitlufin f’età żgħira u bla bżonn.  Mela ejja naraw li nwasslu messaġġ tajjeb li xorb u sewqan ma jmorrux flimkien.

Nawgura lil kullħadd Milied ħieni u sena mimlija saħħa.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għawdex 2026’, biċ-ċelebrazzjonijiet jibdew bil-kunċert spettakolari ‘Christmas It’s Time’

PR262013

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għa...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  FITA: 25 sena ta’ ħidma biex it-teknoloġija tkun aċċessibbli għal kulħadd

PR262012

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...

More Press Releases Right arrow