JUM DINJI KONTRA L-AIDS 2011
Ta’ kull sena fl-1 ta’ Diċembru nfakkru l-Jum Dinji kontra l-AIDS u dan isir bi skop ewlieni li niġbdu l-attenzjoni lejn din il-marda li tista’ tiġi evitata bi ftit attenzjoni u aktar edukazzjoni dwar it-tixrid tagħha. Minn din is-sena ’l quddiem, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa bdiet il-mira tagħha li tilħaq dak li qed issejjaħ "Getting to zero: zero new HIV infections. Zero discrimination. Zero AIDS related deaths". U dan huwa possibli!
Li nnaqqsu l-imwiet mill-AIDS huwa possibli minħabba l-avvanz li sar u jkompli jsir fil-kura ta’ nies morda bl-AIDS u nies li għandhom l-HIV. Fil-fatt, il-Global AIDS Report juri li dan il-progress fil-kura qed iġib riżultati tajbin ħafna. Biss biss ir-rapport juri li kien hemm madwar 2.5 miljun imwiet ta’ nies morda bl-AIDS li ġew salvati mill-1995 ’l hawn. Ir-rapport jgħid ukoll li b’xi mod qed jitnaqqsu infezzjonijiet ġodda ta’ HIV u li bħalissa ir-rata hija l-anqas li qatt kienet mill-1997 ’l hawn. Iżda ma nistgħux ma nagħtux kas aktar għax inkella nitilfu dak li ħdimna tant għalih. Il-ġlieda kontra l-AIDS trid tkompli sakemm nilħqu l-mira tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, dik li ma jkun hemm l-ebda infezzjoni tal-HIV.
Mira oħra tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa hija dik li ma jkunx hawn l-ebda diskriminazzjoni kontra nies morda bl-AIDS jew infettati bl-HIV. Dan huwa possibli ukoll għax jiddependi fuqna lkoll u fuq l-awareness li jrid ikun hawn dwar kif jittieħed il-virus. Nies morda bl-AIDS jistħoqilhom l-istess kura u attenzjoni bħal kwalunkwe pazjent ieħor, kif ukoll l-istess ħajja xierqa lil kull bniedem ieħor. Dan ifisser xogħol, familja, ħajja soċjali u parteċipazzjoni fid-dinja ta’madwarhom.
L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għaldaqsant għandha l-mira ukoll li tnaqqas in-numru ta’ persuni li jiġu nfettati bil-virus tal-HIV li jwassal għall-AIDS. Aħna ilna nafu li l-akbar arma kontra l-virus tal-HIV hija l-għarfien dwar kif titteħed il-virus biex b’hekk dak li jkun jevita. Qatt ma hawn biżżejjed għarfien u għalekk irridu nkomplu nqajmu kuxjenza dwar it-tixried tal-virus li jwassal għall-AIDS, kif jista’ jiġi evitat, il-ħajja sesswali ta’ kull wieħed u waħda minnha. Illum il-ġurnata għandna Sexual Health Policy li tigwidana nmexxu dak kollu li hemm bżonn biex kulħadd jista’ jgawdi l-ħajja sesswali tiegħu mingħajr biża’ ta’ mard jew diskriminazzjoni.
Din is-sena, id-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni ta’ Mard mexxa tliet korsijiet dwar l-HIV, il-Hepatitis B u l-Hepatitis C. Dawn il-korsijiet li tmexxew online għall-kumdità ta’ minn ried jagħmilhom, kienu parti minn proġett H-CUBE, li huwa proġett iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jipprovdi tagħrif dwar dawn l-infezzjonijiet li jiġu trasmessi sesswalment.
Il-korsijiet indirizzaw dawn it-tliet infezzjonijiet u kienu mmexxija fl-istess żmien ġewwa il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, Slovenja, u l-Italja.
Il-korsijiet kienu mmirati lejn professjonisti fis-saħħa, ġenituri u żgħażagħ, counsellors kif ukoll għalliema. Kien hemm rispons qawwi għal dawn il-korsijiet u dan juri li hawn ħafna interess għal aktar tagħlim dwar dan il-mard jittieħed. Aktar kemm in-nies ikunu jafu dwar l-HIV, aktar hemm ċans li jieħdu l-prekawzjonijiet biex il-marda ma tkomplix tinfirex.
L-epidemija ta’ l-AIDS għadha magħna, iżda jekk inkomplu bil-kura, servizzi meħtieġa u l-prevenzjoni, ikun possibli li nilħqu l-mira tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa li naslu għal żero infezzjonijiet ġodda u nikkreaw ġenerazzjoni ġdida mingħajr l-AIDS.
Fil-lejl li wassal għall-Jum Dinji kontra l-Aids, il-funtana fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta inxtegħlet b’dawl aħmar, hekk kif seħħ f’diversi pjazzez madwar id-dinja. Dan isir sabiex titqajjem aktar kuxjenza dwar l-Aids.
Other Press Releases:
PR262013
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għa...
PR262012