DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU GĦAL WAQT ISSERATA
Mistiedna distinti
Sinjuri
Kull pajjiż isib lilu nnifsu, bħala dak li tabilħaqq hu, meta jagħti forma artistika lir-ruħ tiegħu. Kull nazzjon jesprimi l-qofol tal-karattru tiegħu bis-saħħa tal-arti. Fiha jinġabar dak kollu li huwa veru, huwa tajjeb, ġenwin u huwa sabiħ. Veru, tajjeb, ġenwin u sabiħ, u għalhekk ukoll utli. Nafu li matul sekli sħaħ il-bnedmin skoprew l-arti ġewwa fihom biex sewwasew jesploraw il-verità, u jimmaturaw il-kuxjenza tagħhom billi jagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin, u mbagħad allura jfittxu u jsibu dak kollu li hu sabiħ. L-arti kollha tiċċelebra dawn il-valuri fundamentali li mingħajrhom ebda individwu, ebda ġens ma hu dak li suppost li hu, u dak li fil-fatt jixtieq li hu. L-arti hi skola ta'
valuri essenzjali.
Hemm persunaġġi fl-istorja kulturali tal-pajjiż li minħabba li twieldu u għexu fi żmien partikolari, u minħabba li kellhom don speċjali ta' espressjoni u ta' interpretazzjoni, huma wkoll figuri rappreżentattivi, persunaġġi li jlaħħmu fihom epoka, realtà politika u soċjali. Persunaġġi bħal dawn huma politiċi, ħassieba, artisti, u tipi oħrajn ta' nies li taw kontribut speċjali biex nazzjon jagħraf aħjar lilu nnifsu, jikber fl-istima tiegħu stess, u allura b'hekk jikber minnufih fl-istima tal-oħrajn.
Wieħed mill-ewlenin huwa Dun Karm, artist li wera s-sbuħija, il-qedem, ir-rikkezza tal-Lingwa Maltija, lingwa li ilha sekli sħaħ tgawdi r-rispett ta' ħafna studjużi barranin, u ta' ħafna studjużi Maltin. Illum aħna kburin li lil din il-lingwa ta' missirijietna u ta' ommijietna tellajnieha sal-ogħla livell, sal-aqwa rikonoxximent billi hi waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. B'dan il-mod aħna għamilna bħalma għamlu l-membri l-oħra, żgħar u kbar. Urejna li aħna aġġornati bħall-pajjiżi l-oħra, u bħalhom aħna kburin bil-wirt tagħna, u rridu nirrenduh utli dejjem aktar. Il-mudell kulturali tan-nazzjonijiet sħabna l-oħra qiegħed hemm biex ikompli jdawwalna u jimliena bilfiduċja
fina nfusna.
Il-kunċett tagħna tal-post tal-lingwa nazzjonali hu sewwasew il-kunċett attwali li hu mwettaq u applikat fil-bqija tal-kontinent, u fil-fatt fid-dinja kollha. B'dan il-mod nistħoqqu l-istima tal-pajjiżi l-oħrajn bis-saħħa tan-normalita' tagħna.
Stima lejn pajjiżna tinvolvi stima lejn il-pajjiżi l-oħra, u viċi-versa. B'dan il-mod, b'dan ir-rispett lejn art twelidna, aħna tassew moderni, tassew Ewropej aġġornati. Bis-saħħa ta' politika ta' opportunitajiet dejjem akbar marbutin mal-għarfien prattiku, reali, tal-lingwa u tal-patrimonju talpajjiż, bis-saħħa ta' fiduċja dejjem akbar f'pajjiżna, u qabelxejn fil-lingwa li żammitna magħqudin għal tant sekli, - aħna kommessi li nagħmlu kulma nistgħu biex il-ġenerazzjonijiet li telgħin ikollhom huma wkoll, xejn inqas miz-żgħażagħ tal-pajjiżi l-oħra, dik il-fiduċja fihom infushom li pajjiżhom biss jista' jagħtihom. Irridu nkomplu nsaħħu l-politika kulturali li biha, meta wliedna u
wlied uliedna jsiefru, ma jkunu mirbuħin minn ebda sens ta' inferjorità. Il-kultura Maltija bħala settur ta' opportunitajiet prattiċi, veri, professjonali: dan hu l-futur ta' Ewropa magħquda mibnija fuq id-diversitajiet.
Il-fatt li l-lingwa Maltija waslet sa dan il-livell ta' dinjità, utilità u opportunitajiet professjonali huwa parti mill-wirt li ħallew nies bħal Dun Karm, il-poeta tant maħbub li tant emmen f'pajjiżna u tant esprima tajjeb dak kollu li jgħaqqadna bħala ġens żgħir u rikk. Huwa wera li ċ-ċokon ma hux żvantaġġ, imma hu kundizzjoni li kulħadd jista' jiskopriha u jisfruttaha għall-ġid tiegħu, tal-pajjiżi loħra, tar-reġjun u ta' kullimkien. Bħalma fil-politika wasalna biex aħna llum aħna rikonoxxuti għal dak li aħna, hekk ukoll nemmnu li aktar ma napprezzaw il-wirt kulturali aktar insaħħu l-ekonomija, u partikolarment it-turiżmu.
B'din it-tifkira ta' għeluq il-ħamsin sena mill-mewt tal-poeta nazzjonali qegħdin niċċelebraw ħamsin sena li matulhom esperjenzajna l-aqwa żviluppi politici u soċjali ta' pajjiżna. Huma ħamsin sena ta' avvanzi, ta' kisbiet li għallmuna naħdmu flimkien biex minn kolonja nibnu stat sovran, denn ta' kull rikonoxximent għaliex għandu l-kredenzjali li jagħmluh divers daqskemm integrabbli. Dun Karm illum ifisser tagħlimiet importanti li għaddew b'suċċess minn ġenerazzjoni għal oħra. Kien hu fost dawk li tul dawn is-snin kollha edukawna fil-fiduċja fina nfusna u f'pajjiżna. Kien hu fost oħrajn li tana lezzjoni ta' rispett lejn kulma hawn madwarna, u ta' apprezzament ta' kulma hu veru, tajjeb, sabiħ.
L-istima tagħna lejn dan il-persunaġġ nazzjonali nuruha l-aħjar billi nimpenjaw ruħna li ngħaddu lil uliedna u lil ulied uliedna l-valuri fundamentali li huwa esprima b'mod tant eleganti u ċar. Niċċelebraw il-ħamsin sena minn mewtu billi nifirħu li l-kontribut tiegħu kiseb valur ogħla malmogħdija tas-snin, u billi nagħtu s-sehem tagħna biex il-Maltin tal-lum u ta' għada jkomplu jiffjorixxu fit-triq li mexa fiha hu: serenità, fiduċja u mħabba.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262013
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għa...
PR262012