TERĠA’ TITNIEDA SKEMA TA’ GĦAJNUNA FINANZJARJA GĦAX-XIRI TA’ KAROZZI ĠODDA U T-TNEĦĦIJA TA’ KAROZZI QODMA MIT-TOROQ, GĦAL ARJA AKTAR NADIFA
L-iskema ta’ għajnuna finanzjarja sa massimu ta’ €2,000 għal min jixtri karozza ġdida u jiskreppja waħda qadima reġgħet miftuħa għall-pubbliku. Id-dettalji tal-iskema ngħataw dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, Tonio Fenech u s-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, Mario de Marco.
Il-Ministru Tonio Fenech saħaq li l-l-Gvern għandu strateġija ċara li jinvesti favur kwalità tal-arja aktar nadifa. “Dan qed nagħmluh b’mod differenti iżda li fl-aħħar iwasslu għall-istess oġġettiv, fosthom l-għeluq tal-Power Station tal-Marsa; l-appoġġ li qed nagħtu lill-familji u l-industrija biex jinvestu f’sorsi tal-enerġija nodfa; l-investimenti f’impjanti ta’ tisfija ta’ drenaġġ u r-riformi li għamilna kontinwament tul l-aħħar erba’ budgets biex ninċentivaw karozzi ġodda, iżgħar u li jħammġu anqas waqt li noħolqu diżinċentiv fuq karozzi li jħammġu aktar”.
Fil-Baġit li tħabbar ftit tal-jiem ilu, il-Gvern iddeċieda li jerġa’ jniedi għal sena oħra skema li kisbet suċċess kbir matul l-2011, dik li min jisskreppja karozza li għandha aktar minn għaxar snin meta jixtri karozza ġdida jista’ jgawdi minn benefiċċju sa €2,000. “Fid-dawl ta’ dan is-suċċess, u anke għaliex waqt il-konsultazzjoni mal-pubbliku ġenerali deher li din l-iskema kienet għadha mfittxija mill-pubbliku, qed inħabbru li din l-iskema hija miftuħa mill-ġdid”. Din l-iskema tibqa’ fis-seħħ għal mhux aktar minn sena jew sa massimu ta’ 3,000 karozza. Barra minn hekk, min m’għandux karozza x’jiskreppja u jixtri waħda skont il-kundizzjonijiet ta’ din l-iskema, jista’ jibbenefika sa 50% (massimu ta’ €1,000).
Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, Mario de Marco, qal li din l-iskema hija inizjattiva oħra favur it-titjib tal-kwalità tal-arja. Mario de Marco qal li huwa fatt magħruf li t-trasport hu sors tat-tniġġiż tal-arja tagħna. Hu qal li l-iskema tħeġġeġ l-iskreppjar ta’ karozzi li qed jniġġsu l-ambjent u tħeġġeġ l-investiment f’karrozzi aktar moderni li jnaqqsu t-tniġġiż tal-arja. Mario de Marco qal li din l-inizjattiva mhix iżolata. Hu qal li r-riforma tat-trasport pubbliku li permezz tagħha tneħħew karrozzi tal-linja antiki mit-toroq tagħna u minflok qed jintużaw vetturi Euro V, hija wkoll inizjattiva li qed tħeġġeġ l-użu ta’ vetturi li jħarsu l-ambjent u għalhekk inaqqsu t-tniġġiż fl-arja.
Aktar tagħrif dwar l-iskema
L-iskema, li daħlet fis-seħħ mill-bieraħ, hija miftuħa għal persuni residenti Malta, li jixtru karozza ġdida jiġifieri vettura taћt il-kategorija M1, li tkun tat-tip Euro V, li qatt ma tkun ġiet reġistrata qabel f’ebda pajjiż u li għandhom karozza li għandha mill-anqas 10 snin mid-data tal-manifattura tagħha, li tkun ilha reġistrata ma’ u kellha liċenzja mill-Awtorità f’isem l-applikant qabel l-14 ta’ Novembru 2011, li tibqa’ hekk reġistrata u bil-liċenzja sad-data tal-applikazzjoni għall-għotja, u li titneħħa mir-reġistrazzjoni fil-ħin tar-reġistrazzjoni tal-vettura l-ġdida.
L-iskema tapplika wkoll għal persuni li ma kellhomx xi vettura bil-mutur reġistrata u b’liċenzja f’isimhom mal-Awtorità fit-13 ta’ Novembru 2011, imma li setgħu akkwistaw karozza li ġiet reġistrata u nħarġitilha liċenza f’isimhom mill-Awtorità wara dik id-data, sakemm dik il-karozza titneħħa mir-reġistrazzjoni fil-ħin tar-reġistrazzjoni tal-karozza l-ġdida.
Aktar dettalji jinsabu fil-Gazzetta tal-Gvern:
http://www.doi.gov.mt/EN/gazetteonline/2011/12/gazts/GG%201.12.pdf
Other Press Releases:
PR262013
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għa...
PR262012