Left arrow Go Back

50 ĦADDIEM SOĊJALI INGĦATAW IL-WARRANT

pr2348
Date Icon 01/12/2011

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina, qassmet il-warrants lil 50 Ħaddiem Soċjali biex ikunu jistgħu jipprattikaw din il-professjoni li aktar ma’ jgħaddi ż-żmien aktar qed tinħass il-ħtieġa tagħha. 

F’diskors li għamlet f’din l-okkażjoni, il-Ministru qalet li soċjetà moderna għandha taħdem biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha u tfittex li tiżviluppa l-potenzjal sħiħ ta’ kull individwu, grupp jew komunità fi ħdanha. Billi f’kull soċjetà jeżistu individwi jew gruppi vulnerabbli jew żvantaġġjati, biex din il-mira tintlaħaq hemm bżonn ta’ ħaddiema soċjali biex jgħinu lil dawn in-nies vulnerabbli jegħlbu d-diffikultajiet tagħhom biex huma wkoll ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar u jilħqu l-milja tal-potenzjal tagħhom.

Il-Gvern fehem li għandu jgħin f’dan il-piż li kull soċjetà trid iġġorr.  Għalhekk inbnew l-iskejjel tal-Gvern, djar tal-Gvern, l-edukazzjoni saret b’xejn u obbligatorja u bdew jidħlu anke servizzi soċjali.

Il-lum qed nirrealizzaw li l-problemi soċjali ma humiex biss il-faqar materjali  iżda hemm problemi oħra li qed jifnu lis-soċjetà u għalhekk il-ħtieġa ta’ ħaddiema soċjali mħarrġa.

Ħaddiema li jifhmu l-kumplessità tal-interazzjoni bejn il-bniedem u l-ambjent li jgħix fih u l-kapaċità tal-individwu kemm li jkun affetwat mid-diversi influwenzi, inkluż fatturi psiko-soċjali u li jdawwar dawn l-isfidi f’opportunitajiet.  Il-professjoni tal-ħaddiema soċjali tibbaża fuq l-iżvilupp tal-bniedem u s-sistema soċjali biex tanalizza s-sitwazzjonijiet kumplessi li kultant dawk vulnerabbli jsibu ruħhom fihom u tgħinhom jinbidlu.

Il-Ministru Cristina fakkret li l-professjoni tal-ħaddiema soċjali bdiet tiżviluppa f’dawn l-aħħar 30 sena u mxiet minn ħidma soċjali ġenerika għal ħidma speċjalizzata f’diversi oqsma bħalma huma s-saħħa mentali, l-edukazzjoni, ħidma mal-anzjani, protezzjoni tat-tfal, servizzi ma’ persuni b’diżabilità, sostenn lill-vittmi tal-vjolenza domestika u anke ħidma fil-komunità.

Kien biss disa’ snin ilu li x-xogħol tal-ħaddiema soċjali kien rikonoxxut bħala professjoni wara li l-preparazzjoni biex wieħed jidħol għal dan ix-xogħol saret aktar rigoruża u nbdew korsijiet apposta fl-Università tagħna li jwasslu għal grad fil-ħidma soċjali. U issa għandna wkoll min qed jistudja fl-Università tagħna biex jagħmel Masters f’din id-dixxiplina.

Il-komunità tal-ħaddiem soċjali kwalifikati llum qed tiżdied għal madwar 350 persuna. Il-warrant li qed tingħataw illum mhux biss jgħolli l-istatus tagħkom bħala professjonisti imma fl-istess ħin iġġorr miegħu ħafna responsabbiltà fis-servizz li tagħtu lil dawk li jkunu bżonn l-għajnuna tagħkom. 

Lil dawk vulnerabbli, kemm jekk tfal abbużati jew traskurati, ommijiet mhux miżżewġa, nies bi problemi ta’ droga, ta’ xorb, ta’ logħob, vittmi tal-użura, persuni msawwta jew abbużati, vittmi jew aġenti ta’ bullying, anzjani minsija minn qrabathom u tant gwaj ieħor, irridu nagħtuhom l-aqwa servizz biex ngħinuhom joħorġu minn dawn il-problemi u jintegraw ruħhom mill-ġdid f’soċjetà li tilqagħhom b’idejha miftuħa.

Il-Ministru saħqet li kull persuna li tiġi bżonn is-servizzi tal-ħaddiema soċjali hi mitlufa għas-soċjetà jekk bil-ħidma tagħhom is-social workers ma jirnexxilniex inrodduha lura lis-soċjetà u l-familja tagħha.  Daqshekk hi kbira r-responsabbiltà ta’ dawn il-professjonisti.

Il-Gvern u l-pajjiż jirrikonoxxu l-ħidma imprezzabbli tal-ħaddiema soċjali u għalhekk f’dawn l-aħħar snin sar investiment qawwi f’dan il-qasam.  Minkejja dan, Il-Gvern jagħraf li għad għandna strutturi li jridu jissaħħu jew jinbnew mill-ġdid.  Fuq dan qed issir ħidma wkoll ukoll. Fil-fatt qed jitħejja abbozz ta’ liġi biex ikun regolat aħjar il-qasam tas-servizzi soċjali u dan ikun jinkludi s-servizzi lis-social workers joffru.

Il-Ministru Cristina temmet li l-kumplessità tal-problemi soċjali tkompli tikber aktar mas-soċjetà timxi ’l quddiem. U hekk kif jikbru l-problemi jkunu jinħtieġu soluzzjonijiet ġodda.  Għalhekk hu importanti li l-ħaddiema soċjali jkomplu jiżviluppaw professjonalment u jżommu ruħhom aġġornati mal-istudji fil-qasam soċjali biex ikunu dejjem f’pożizzjoni li jwieġbu għall-ħtiġijiet tas-soċjetà u tal-klijenti tagħhom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għawdex 2026’, biċ-ċelebrazzjonijiet jibdew bil-kunċert spettakolari ‘Christmas It’s Time’

PR262013

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għa...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  FITA: 25 sena ta’ ħidma biex it-teknoloġija tkun aċċessibbli għal kulħadd

PR262012

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...

More Press Releases Right arrow