Left arrow Go Back

ID-DISGĦIN ANNIVERSARJU TAL-PARLAMENT MALTI – TITNIEDA BOLLA KOMMEMORATTIVA

pr2346
Date Icon 01/12/2011

Il-Maltapost, fi ħdan l-attivitajiet li qed jiġu mtella’ mill-Onorevoli Michael Frendo, Speaker tal-Kamra tad-Deputati, sabiex jiġi mfakkar id-Disgħin Anniversarju tal-Parlament Malti, se toħroġ bolla kommemorattiva għada l-Ġimgħa, 2 ta’ Diċembru 2011.  Din il-bolla se jkollha fuqha riproduzzjoni ta’ bolla li kienet ħarġet għall-użu postali f’Malta fl-1922, u li kienet iġġib l-immaġini allegorika ta’ Melita – xogħol l-artist famuż Malti Edward Caruana Dingli – bit-tmun f’idejha fuq sfond marbut mal-baħar, biex jindika l-jedd li kienu ngħataw il-Maltin li jmexxu l-politika lokali huma nfushom permezz ta’ leġislatura bikamerali, li kienet inħolqot għall-ewwel darba f’Malta bil-Kostituzzjoni ta’ Amery Milner fl-1921.

Il-ħruġ ta’ din il-bolla kommemorattiva ġie annunzjat il-bieraħ waqt ċerimonja qasira li saret fil-Kamra tal-Kumitati tal-Parlament, li fiha ċ-Ċermen tal-MaltaPost, is-Sur Joseph Said, ippreżenta lill-iSpeaker tal-Parlament Michael Frendo b’kopji tal-materjal informattiv li nħareġ mill-Maltapost għall-okkażjoni.  L-iSpeaker Frendo fakkar kif l-għajta tal-Maltin għal awtonomija fit-treġija ta’ pajjiżhom laħqet il-qofol tagħha fil-protesti tas-7 ta’ Ġunju 1919, li fihom il-ħajja ta’ sitt Maltin intemmet ħesrem taħt l-azzarini u l-bajunetti tas-suldati Ingliżi.  Kien dan l-ispirtu patrijottiku li xettel iż-żerriegħa tal-qawmien Malti li finalment wassal biex il-gvern Ingliż jagħti lil Malta kostituzzjoni ġdida – dik ta’ Amery Milner – fejn kienu ntlaqgħu bosta talbiet li kienu qed jagħmlu l-Maltin għal sehem akbar fit-tmexxija tal-pajjiż.

Is-Senat li nħoloq permezz ta’ din il-Kostituzzjoni kien fih 17-il membru, li sebgħa minnhom kienu jiġu direttament eletti mill-poplu.  L-Assemblea Leġislattiva, minn naħa l-oħra, kienet komposta minn tnejn u tletin deputat, eletti kollha minn tmien diviżjonijiet elettorali.  L-ewwel laqgħa konġunta ta’ dawn iż-żewgt iKmamar saret fl-1 ta’ Novembru 1921, u kienet ġiet inawgurata mill-Prinċep Edward, li eventwalment laħaq Re tal-Ingilterra.  Il-kommemorazzjoni tad-90 sena minn din l-ewwel laqgħa konġunta kienet tfakkret fit-2 ta’ Novembru li għadda waqt laqgħa straordinarja tal-Parlament Malti li nżammet fil-Kamra tal-Arazzi, u li fiha pparteċipaw uħud mill-iSpeakers tal-Kamra tad-Deputati li kienu servew f’leġislaturi preċedenti.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għawdex 2026’, biċ-ċelebrazzjonijiet jibdew bil-kunċert spettakolari ‘Christmas It’s Time’

PR262013

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għa...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  FITA: 25 sena ta’ ħidma biex it-teknoloġija tkun aċċessibbli għal kulħadd

PR262012

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...

More Press Releases Right arrow