Left arrow Go Back

AKTAR INIZJATTIVI U PROĠETTI GĦAL GĦAWDEX FL-2011 U FL-2012

pr2343
Date Icon 01/12/2011

‘Għawdex baqa’ ingredjent importanti fit-twettieq tal-politika tal-Gvern, li tfittex l-aħjar deċiżjonijiet u soluzzjonijiet għal dan il-pajjiż anke matul is-sena li għaddiet. Fuq kollox Għawdex ser jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern u fit-tqassim tar-riżorsi tal-pajjiż anke matul is-sena li ġejja’.  Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, meta kienet qed tirreferi għal diversi proġetti li komplew jew bdew jitwettqu matul din is-sena filwaqt li tkellmet ukoll dwar oħrajn li ser ikunu qed jitwettqu matul is-sena li ġejja.

L-Onor. Giovanna Debono spjegat kif matul din is-sena l-Ministeru għal Għawdex kompla bil-ħidma relatata mal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni 2010-2012 ta’ eko-Għawdex. Fost dawn:

  • Sar energy audit fil-biċċa l-kbira tal-bini tal-Gvern f’Għawdex;
  • Beda proġett ta’ riċerka dwar il-potenzjal tar-riħ bħala sors ta’ enerġija alternattiva;
  • Tkompla programm ta’ tindif tal-widien li jfisser żieda ta’ 43 miljun litru fil-potenzjal tal-ħażna tal-ilma tax-xita;
  • Ġew irranġati ġibjuni eżistenti u nbnew ġibjuni ġodda fi ġnien Villa Rundle u l-ġnien ta’ Marsalforn;
  • Fondazzjoni ta’ kumpanija privata internazzjonali kkonfermat investiment ta’ $800,000 fi proġett marbut mal-konservazzjoni u użu aħjar tal-ilma filwaqt li oħra qed tipparteċipa fil-proġett ta’ afforestazzjoni f’Imġarr Grove;
  • Tħawlu aktar minn 3000 siġra u arbuxelli fl-Imġarr Grove u nħawi oħra;
  • Beda x-xogħol fuq 51 proġett li qed jitwettqu minn 37 NGO, 8 Kunsilli Lokali u 3 Kumitati Amministrattivi, permezz ta’ 2 skemi li għalihom ġew allokati €2 miljun;
  • Bini ta’ 5 kilometri ta’ ħitan tas-sejjieħ;
  • Ser ikunu saru 33 proġett fi spazji pubbliċi madwar Għawdex;
  • 43 xogħol artistiku ser isebbħu nħawi u postijiet pubbliċi f’Għawdex permezz tal-Iskema Arti fit-Toroq;
  • Xogħol ta’ ristrutturar fiċ-Ċentru ta’ Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni fl-Agrikoltura b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta;
  • Saru kampanji edukattivi għall-bdiewa dwar l-użu aħjar tal-pestiċidi;
  • 5000 student Għawdxi tgħallmu aktar dwar żvilupp sostenibbli;
  • 411-il familja f’Għawdex qed jipparteċipaw fl-iskema marbuta mal-installazzjoni ta’ pv panels li tagħti kumpens akbar lil residenti Għawdxin li jbiegħu l-elettriku fuq il-grid;
  • Aktar minn 200 familja Għawdxija bbenefikaw mill-iskema tas-solar water heaters.  90 applikazzjoni oħra pendenti.
  • Qed tiġi koordinata skema li permezz tagħha ser jintefqu €80,000 f’inizjattivi marbuta ma’ proġetti ta’ eko-Għawdex fl-iskejjel f’Għawdex;
  • Titnieda kampanja Naqqas u Ffranka: Ser isiru 10,000 żjara fi djar Għawdxin;
  • Bdew jitqassmu kits b’apparat li jnaqqas ħela tal-ilma;
  • Bdew jiġu installati aktar panelli fotovoltaiċi fuq il-bini tal-Ministeru għal Għawdex li ser jestendu s-sistema eżistenti;
  • Aktar proġetti ta’ afforestazzjoni se jsiru fil-Qortin tax-Xagħra, il-Qortin ta’ Isopu fin-Nadur u Ulysses Grove fix-Xewkija;
  • Riesaq lejn il-fażi finali x-xogħol għall-bini ta’ ġnien ġdid f’Marsalforn li joffri spazju ta’ 4,400 metru kwadru għat-tgawdija tal-familji;
  • Sar xogħol preparatorju, nħarrġu l-permessi  u qed jitwettqu studji tekniċi marbuta mal-bini nibnu pixxina fil-magħluq b’investiment ta’ € 6.2 miljun;

Il-Ministru Giovanna Debono saħqet li l-baġit ta’ din is-sena jkompli jikkonferma li l-€25 miljun allokati mill-Gvern għat-twettieq ta’ dan il-pjan ambizzjuż ser jintefqu sal-aħħar ċenteżmu. ‘Eko-Għawdex ma huwiex biss marbut mal-ambjent jew l-enerġija rinovabbli imma hija viżjoni għaqlija li tfittex żvilupp sostenibbli għal Għawdex fl-oqsma soċjo-ekonomiċi kollha’, qalet il-Ministru għal Għawdex.

L-Onor. Giovanna Debono tkellmet ukoll dwar diversi proġetti li saru permezz ta’ finanzjament minn fondi Ewropej. Din is-sena tlesta l-bini mill-ġdid tat-triq tax-Xlendi u t-Triq Ta’ Pinu. Spjegat kif minn tifdil li sar fuq dan il-proġett ser ikun jista’ jsir xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ estensjoni f’kull triq. Għaddej ukoll ix-xogħol fuq parti oħra mit-triq ewlenija li mix-Xewkija tagħti għar-Rabat. It-twaqqif ta’ Dipartiment tar-Radjoloġija ġdid fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fisser tisħiħ fil-qasam tas-saħħa f’Għawdex u permezz tiegħu s’issa saru mal-1100 CT Scan u nisa Għawdxin qegħdin jipparteċipaw fin-National Breast Screening Programme  li qabel ma kienx possibbli li jsir f’Għawdex. Parti oħra minn dan il-proġett ser ikun ristrutturar tat-tieni sala tal-operazzjonijiet li għaddej ix-xogħol fuqu. Sadanittant beda wkoll ix-xogħol ta’ ristrutturar estensiv fiż-Żewwieqa Waterfront kif ukoll ir-restawr tas-swar taċ-Ċittadella. Kompla għaddej ukoll kors ta’ Baċellerat fil-Kummerċ fil-Kampus tal-Università f’Għawdex. F’dawn il-jiem mistenni jiġi konkluż ix-xogħol ta’ ristrutturar estensiv fi ġnien Villa Rundle li issa ser ikun jista’ jitgawda ferm aktar mill-familji u dawk kollha li jżuru lil Għawdex. L-għeluq tal-outfall tad-drenaġġ f’Wied il-Mielaħ iffinalizza proġett estensiv li beda bil-bini tal-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ minn fondi ta’ pre-adeżjoni u wassal ukoll biex inqalgħet is-sistema kollha madwar Għawdex biex ġiet ridirezzjonata lejn l-impjant biex illum Għawdex qed igawdi minn baħar aktar nadif madwar il-gżira kollha. Proġetti oħra maħsuba biex Għawdex ikompli jibbenefika mill-10 fil-mija tal-fondi Ewropej għall-pajjiżna jinkludu applikazzjoni biex jibdew jitwettqu numru ta’ rakkomandazzjonijiet inklużi fil-Masterplan taċ-Ċittadella u programm ta’ installazzjoni ta’ faċilitajiet li jiġġeneraw enerġija rinovabbli f’bini ta’ istituzzjonijiet u faċilitajiet edukattivi f’Għawdex.

Proġett ieħor ta’ fejda għal gżira ta’ Għawdex kien dak marbut mar-riforma fit-trasport pubbliku li saret ukoll permezz ta’ sussidju li jlaħħaq €1.6 miljun mogħti mill-Gvern lill-Arriva għas-servizz f’Għawdex. Is-sistema l-ġdida taħdem b’anqas tniġġiż tal-arja filwaqt li permezz tagħha ġiet imsebbħa ż-żona tal-bus terminus fir-Rabat.

Il-Ministru għal Għawdex irreferiet ukoll għal inizjattiva li tfittex li jiġi kordinat sforz Nazzjonali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali f’Għawdex, billi l-Prim Ministru nkariga lis-Segretarjat għall-Politika Strateġika fl-uffiċċju tiegħu biex jiffoka l-isforzi tal-entitajiet pubbliċi kollha biex flimkien mas-settur privat isir dak kollu possibbli għall-ħolqien ta’ aktar xogħol u xogħol aħjar f’Għawdex’. L-Onor. Giovanna Debono spjegat kif din il-miżura hija frott ta’ talba li saret mill-Ministeru għal Għawdex wara li sema’ l-ilmenti tal-investituri u s-sidien tan-negozji f’Għawdex. ‘Din il-miżura hija xhieda ta’ interess u azzjoni li tiffoka fuq il-ħtiġijiet reġjonali tal-gżira ta’ Għawdex li mhux neċessarjament huma dejjem konformi mal-ħtiġijiet tal-pajjiż f’kuntest nazzjonali’, qalet il-Ministru Debono filwaqt li rreferiet għas-sitwazzjoni tal-qasam tax-xogħol f’Għawdex.  L-inizjattivi li twettqu matul din is-sena kienu jinkludu l-finalizzazzjoni ta’ strateġija li tagħmel analiżi tal-kwalitajiet tar-riżorsi umani f’Għawdex u tagħmel rakkomandazzjonijiet għal żvilupp ekonomiku f’Għawdex.

Barra minhekk:

·         200 mis-700 kumpanija li bbenefikaw mill-Microinvest kienu kumpaniji li joperaw f’Għawdex;

·         Għajnuna addizzjonali għall-kumpaniji Għawdxin: 60% f’tax credit meta mqabbla mal-40% f’Malta. Dawn investew aktar minn €2 miljun u ser jieħdu aktar minn €1.2 miljun f’tax credit;

·         Employment Aid Programme: 150 intrapriża jimpjegaw 450 ħaddiem Għawdxi b’sussidju għall-ewwel 52 ġimgħa ta’ xogħol;

·         676 ħaddiema nisa Għawdxin jipparteċipaw fl-iskema għan-nisa li jirritornaw lura x-xogħol. Ibbenefikaw minn tnaqqis ta’ taxxa li jlaħħaq aktar minn €735,000.

Il-Ministru għal Għawdex semmiet inizjattivi u miżuri oħra li twettqu matul is-sena li għaddiet jew ser jiġu mwettqa matul is-sena li ġejja. Fosthom hemm miżuri marbuta mas-settur turistiku fejn il-Ministeru għal Għawdex reġa’ ġie mogħti allokazzjoni ta’ €500,000 biex jirreklama lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta. Illum Għawdex sar destinazzjoni stabilita fil-qasam tad-diving anke permezz ta’ xogħol li sar f’dawn l-aħħar snin. Filwaqt li ser ikompli r-reklamar f’din in-niċċa turistika qed jiġu wkoll individwati niċeċ oħra minn fejn Għawdex jista’ jattira aktar turisti fosthom il-mixi, it-turiżmu rurali u l-cruiseliners. Il-Ministeru għal Għawdex qed jagħti kontribut biex tiġi mfassla politika għal turiżmu rurali filwaqt li jikkollabora f’inizjattivi tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Qed tingħata attenzjoni biex jibqa’ jiġi mtejjeb il-prodott turistiku Għawdxi anke permezz ta’ xogħol ta’ restawr u ħarsien tal-patrimonju storiku tal-gżira. Tfasslu mixjiet ġodda fil-kampanja u nħawi rurali madwar il-gżira filwaqt li ser isir xogħol fuq rotta mal-kosta minn Daħlet Qorrot sa Wied il-Mielaħ.

L-Onor. Giovanna Debono żiedet tgħid li ser jibqa’ għaddej xogħol infrastrutturali ieħor f’oqsma oħra fosthom fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fl-iskejjel biex is-servizzi li jingħataw jibqgħu jitjiebu. Irreferiet għas-suċċess miksub fil-qasam edukattiv fejn illum kompla jikber in-numru ta’ dawk li jkomplu bl-istudji terzjarji tagħhom fl-Università ta’ Malta kif ukoll f’istituzzjonijiet oħra bħal MCAST u l-ITS. Huwa għalhekk li l-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed iżid l-għajnuna li tingħata lil studenti Għawdxin f’Malta u din ser tibda tingħata lil kull student mingħajr distinzjoni marbuta mal-istituzzjoni tat-tagħlim. B’hekk jibqa’ jiżdied l-inċentiv biex aktar żgħażagħ Għawdxin jirnexxu fl-istudji tagħhom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għawdex 2026’, biċ-ċelebrazzjonijiet jibdew bil-kunċert spettakolari ‘Christmas It’s Time’

PR262013

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għa...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  FITA: 25 sena ta’ ħidma biex it-teknoloġija tkun aċċessibbli għal kulħadd

PR262012

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...

More Press Releases Right arrow