DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, FL-OKKAŻJONI TAL-INAWGURAZZJONI TAL-‘ĠIMGĦA DWAR IS-SIGURTÀ FL-IKEL’ – BIRKIRKARA – IT-TLIETA, 29 TA’ NOVEMBRU 2011
Huwa pjaċir tiegħi li qegħdin niltaqgħu għar-raba’ sena dwar il-Ġimgħa Favur is-Sigurtà fl-Ikel. Din l-inizjattiva qed tiġi organizzata minn żewġ direttorati, id-Direttorat għal Ħarsien tal-Ambjent u d-Direttorat għal Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika fil-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità. Din il-ġimgħa ssir ukoll taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni għas-Sigurtà fl-Ikel.
It-Tikkettjar ta’ Prodotti tal-ikel huwa s-suġġett magħżul għal din is-sena. L-għan aħħari jibqa’ dejjem li l-konsumatur Malti jitgħallem dejjem iżjed fuq is-sigurtà fl-ikel, jagħraf jaqra t-tikketti fuq prodotti ppakkjati kif ukoll li jitgħallem fuq id-drittijiet tiegħu meta jiġi biex jixtri.
It-tikkettjar ta’ prodotti tal-ikel huwa neċessarju sabiex il-konsumatur ikun mgħarraf dwar il-kontenut tal-prodott u pproteġut minn prodotti skaduti jew ħżiena li jistaw jitfaċċaw fis-swieq tagħna. Għal dan il-għan il-liġi Maltija toffri regoli dettaljati u li huma inforzati permezz tal-Ispettorat tas-Saħħa Ambjentali. L-Unjoni Ewropea wkoll għanda l-liġijiet tagħha għal dan il-għan. Dawn il-liġijiet jiġu riveduti regolarment u l-aħħar reviżjoni seħħet din is-sena stess.
Ir-regolament il-ġdid tal-Komunità Ewropea 1169/2011 li ġie ppubblikat nhar it-Tlieta li jidħol fis-seħħ f’Diċembru ta’ tliet snin oħra, jindirizza punti importanti fosthom ta’ min isemmi:
• Dan ir-regolament huwa applikabbli fil-pajjiżi kollha membri tal-KE u allura joħloq uniformità;
• Issa qed nirreferu għal informazzjoni tal-ikel lill-konsumatur fejn f’ċertu aspetti ikel mhux ippakkjat irid ikollu l-informazzjoni neċessarja;
• Laħam bħal ħaruf, majjal u tiġieġ irid jibda jkollu l-indikazzjoni ta’ l-oriġini tiegħu kif inhi diġà għaċ-ċanga;
• Prodotti tal-ikel mhux ippakkjati issa saret mandatorja li jridu jkollhom l-informazzjoni dwar allerġiji;
• Ġie wkoll introdott il-qies tat-tipa (font) sabiex jiġi żgurat li dak li jkun hemm miktub jista’ jinqara.
Kull tikketta għanda toffri dettalji biżżejjed sabiex il-konsumatur jagħraf jinforma ruħu, jagħżel l-aħjar prodott li jgħodd għalih rigward saħħa u sigurtà fl-ikel. Nies li jbagħtu minn allerġiji għandhom dmir li jiflu sew il-prodotti li jkunu ser jixtru, jaraw l-ingredjenti u jagħrfu jeliminaw dawk il-prodotti li jistgħu jipperikolawlhom saħħithom
Id-dati ta’ skadenza fuq il-prodotti qegħdin hemm iggvernati mil-liġi u sabiex jipproteġu lill-konsumatur. Prodott li skada m’għandux jinxtara u l-anqas jingħata b’xejn. Hawn il-konsumatur huwa obbligat li jifli sew kull prodott li jkun ser jixtri. Prodott tal-ikel li jkun skada jista’ jkun fid-dehra tajjeb imma wkoll jista’ jagħmel ħsara lill-konsumatur meta jiġi kkonsmat.
Naturalment hija responsabbiltà bażika ta’ kull manifattur li jipproduċi xi prodott għall-konsumatur, li jara li kull prodott għandu t-tikketta neċessarja skont il-liġi.
Imbagħad hemm l-obbligu li kull bejjiegħ għandu jara li kull prodott li joffri għal bejgħ ikollu tikketta xierqa. Fin-nuqqas ta’ dan hija responsabbiltà tal-konsumatur li ma jixtrix prodotti mingħajr tikketta. Dan għaliex jista’ jkun li dawn il-prodotti ġejjin minn sorsi li mhumiex approvati, jew fihom ingredjenti li jistgħu jagħmlu ħsara lill-bniedem.
It-tikketta fuq il-prodott hija importanti wkoll sabiex f’każ ta’ kontaminazzjoni jew avvelenament tal-ikel dak il-prodott ikun jista’ jiġi identifikat u l-prodott kollu manifatturat fl-istess perjodu jkun jista’ jiġi rtirat mis-suq.
B’dawn il-kampanji jiżdied it-tagħlim fuq il-prodotti tal-ikel.
Nittamaw li dawn il-kampanji jidħlu fil-kalendarju lokali, li l-poplu Malti jieħu sehem u jinteressa ruħu sabiex titjieb is-saħħa tal-poplu Malti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262012
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...
PR262011