DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL- INAWGURAZZJONI TAS-SHOWROOM IL-ĠDIDA TA’ CASA IN, SWATAR – IL-ĠIMGĦA 25 TA’ NOVEMBRU 2011
Sur Debono
Mistiedna distinti
Sinjuri
Huwa l-pjaċir u s-sodisfazzjon tiegħi li nkun hawn magħkom illejla għal din l-okkazjoni. Ċelebrazzjoni ta’ suċċess, ta’ investiment ġdid, ċelebrazzjoni li tixhed id-determinazzjoni, l-enerġija u s-sens ta’ imprenditorija tal-investitur Malti.
L-ekonomija Maltija u l-poplu Malti dejjem wera li kapaċi jegħleb l-isfidi quddiemu. L-importanti hi li kull sfida nibqgħu narawha bħala opportunità. L-isfida tal-kriżi ekonomika qed ngħelbuha u qed ngħelbuha mhux b’kumbinazzjoni imma għax investejna u għaliex qed ninvestu aktar f’pajjiżna fis-setturi produttivi u li joħolqu x-xogħol. Investejna fil-pajjiż u fl-ekonomija għax nemmnu fil-ħiliet u l-potenzjal ta’ Malta u tal-Maltin.
Okkażjonijiet bħal tal-lum huma xhieda tal-potenzjal ekonomiku ta’ pajjiżna – potenzjal mibni fuq l-inprendituri Maltin kemm kbar u speċjalment iż-żgħar li huma s-sinsla u l-mutur tal-ekonomija Maltija. Il-familja Debono bil-viżjoni tas-Sur Debono tixhed l-ispirtu tal-inprenditur Malti. Inprendituri li għarfu li biex tegħleb l-isfidi trid tkompli tinvesti.
Il-Gvern immexxi minni jagħraf u japprezza r-rwol tagħkom fl-ekonomija Maltija u fil-ħolqien tax-xogħol. Nagħrfu s-sagrifiċji, ir-riskji li l-inprendituri jieħdu u napprezzaw id-dedikazzjoni tagħkom lejn ix-xogħol u l–investiment. Għal dan il-għan fil-Bagit li fassalna għall-pajjiżna għas-sena li ġejja komplejna ninvestu u nsostnu s-sidien tan-negozji ż-żgħar biex ikomplu jinvestu u jħaddmu aktar.
Sidien ta’ negozji zġħar u medji, permezz tal-iskema MicroInvest, qed igawdu minn tnaqqis fl-income tax sa massimu ta’ €25,000 meta jinvestu jew jimpjegaw aktar ħaddiema. Taħt l-iskema MicroInvest sa issa applikaw aktar minn 700 kumpanija b’investiment totali ta’ €13-il miljun u li bbenefikaw minn aktar minn €5.5 miljun fi tnaqqis fl-income tax. Investiment li qed jissarraf f’aktar positijiet tax-xogħol. Permezz ta’ din l-iskema nħolqu mal-200 impjieg ġdid. Dan juri l-enerġija tas-sidien tan-negozji żgħar u medji li jridu u qed jinvestu aktar u jimpjegaw aktar ħaddiema magħhom. U għalhekk estendejna din l-iskema.
Nidejna wkoll skema ta’ self b’rati ssussidjati, il-MicroCredit. Emmina fil-potenzjal tal-investitur Malti u nedejna skema b’fond ta’ €50 miljun fejn investituri jistgħu jibbenefikaw sa massimu ta’ nofs miljun ewro. Konna konxji tal-potenzjal. Emminna fl-inprendituri Maltin. S’issa bbenefikaw 140 sid ta’ negozju żgħir li sselfu aktar minn 20 miljun ewro. Dan jixhed il-fiduċja li għandu s-settur privat f’pajjiżna u fil-potenzjal ekonomiku.
Biex inkomplu ninċentivaw aktar sidien jinvestu fl-ideat tagħhom nidejna skema ġdida – il-MicroGuarantee Scheme – li se tkun qed tati garazija fuq is-self. Il-Gvern se jkun qiegħed jinvesti €20 miljun, ammont li jista’ jikber skont id-domanda, f’garanziji bankarji fuq self għall-intrapriżi. Qed ngħinu l-investitur ikompli jinvesti fin-negozju tiegħu. Il-politika tagħna favur is-self employed u n-negozjanti żgħar u medji qed nittraduċuha fi skemi finanzjarji ta’ appoġġ, kemm lil min hu stabbilit u jrid jinvesti aktar u anki għal min irid iwaqqaf negozju ġdid.
Hija din il-politika u din il-fiduċja li qed twassal biex l-ekonomija Maltija tikseb riżultati pożittivi. Pajjiżna qiegħed jikber b’rata aktar mgħaġġla mill-medja Ewropea u minn taż-żona Ewro. Għandna l-ħames l-anqas rata ta’ qgħad. F’pajjiżna qed jinħoloq ix-xogħol. Qed naraw x’qiegħed jiġri f’pajjiżi oħra – qgħad dejjem jiżdied u protesti fit-toroq. F’pajjiżna għandna investiment għaddej mhux biss mill-Gvern imma wkoll mis-settur privat, mill-inprendituri ż-żgħar sal-kbar b’espansjoni u proġetti ġodda. Għandna biex inkunu kburin b’dak li qed niksbu. Fl-istess ħin irridu nkomplu nkunu għaqlin, bieżla u responsabbli.
Sinjuri
Illum mhux biss qegħdin nassistu għal investiment ġdid u l-ħolqien ta’ aktar postijiet tax-xogħol imma wkoll qed niċċelebraw il-ħila tal-inprenditorija Maltija.
Nixtieq nawgura lill-kumpanija Casa In u lill-familja Debono aktar suċċessi fil-futur u huwa unur għalina li jkollna investituri lokali, kemm żgħar u kemm kbar, li jagħtu kontribut tant importanti lill-ekonomija Maltija bil-ħolqien tal-ġid u x-xogħol u jgħinu fit-twettiq tal-viżjoni għal pajjiżna.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262012
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...
PR262011