ATTENZJONI SPEĊJALI GĦAN-NEGOZJI ŻGĦAR
“In-negozji micro, jiġifieri dawk li jħaddmu sa 9 persuni, u s-self employed, igawdu minn attenzjoni speċjali mill-Gvern, u għalhekk għalihom hemm skemi u inċentivi li jgħinuhom jibbenefikaw minn diversi fondi u tnaqqis fit-taxxa, biex ikunu jistgħu jinvestu u joħolqu x-xogħol.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi llum waqt li kien qed iżur ħanut tal-ħwejjeġ f’Birkikara li fl-aħħar sena gawda minn tnaqqis fit-taxxa grazzi għall-iskema MicroINVEST.
Twenty2, huwa ħanut tal-ħwejjeġ li ilu jopera sentejn, u li warajh hemm Deborah Mallia, imprenditriċi żagħżugħa ta’ 23 sena, li ħadet l-opportunità tinvesti grazzi għall-għajnuna tal-Gvern. Hija kienet studenta tal-kors tal-Business fl-MCAST li pprovdilha t-tagħrif neċessarju biex tkun tista’ tagħmel il-pass u tiftaħ ħanut tal-ħwejjeġ li dejjem xtaqet.
L-għajnuna tal-Gvern għalhekk kienet determinanti għal din it-tfajla biex twettaq il-proġett tagħha, li tidħol fid-dinja tax-xogħol, billi tarma ħanut tal-ħwejjeġ. Fih investiet madwar €11,000 u li minnhom ħadet tnaqqis fit-taxxa ta’ €4,000. L-investiment fil-ħanut kien jinvolvi l-bdil totali tal-għamara, tikħil, żebgħa, display tal-ħwejjeġ, sistema tal-computer u cash register, furnishings u finishings.
Jason Azzopardi saħaq li anke l-iżgħar fost l-iżgħar jistgħu jgawdu mill-iskemi tal-Gvern. M’hemmx għalfejn tkun kumpanija kbira li timpjega numri kbar ta’ nies, biex tgawdi minn dawn l-għajnuniet. M’hemmx għalfejn ikollok accountant jew business advisor biex jgħinek tibbenefika. L-għajnuna hija disponibbli għal kulħadd, u huwa faċli li tibbenefika minnha.
Intant waqt l-istess żjara Jason Azzopardi innota kif il-Budget għas-sena d-dieħla huwa Budget li jikkonferma t-twemmin tal-Gvern fin-negozji żgħar u medji, u għalhekk jissokta bis-sostenn lejhom.
Ewlenija hija l-estensjoni tal-iskema MicroINVEST innifisha. Din hija skema li tagħti tnaqqis fit-taxxa ta’ 40% fuq l-investiment li jwettqu dawk in-negozji micro. Għal dawk irreġistrati Għawdex tagħtihom tnaqqis fit-taxxa ta’ 60%. Jason Azzopardi rrimarka li din l-iskema kkontribwiet għat-tkabbir tal-ekonomija, u ġġenerat ix-xogħol. L-iżjed importanti imma hu li permezz ta’ din l-iskema joħorġu fid-deher stejjer ta’ suċċess tant sbieħ.
Sal-aħħar ta’ Ottubru 2011 applikaw total ta’ 707 kumpanija li bejniethom investew mat-€13–il miljun u stmat li talbu madwar €5.5 miljuni fi krediti ta’ taxxa. Minn dawn, madwar 500 applikazzjoni kienu pproċessati u diġà ngħataw €3.3 miljuni fi krediti ta’ taxxa lill-kumpaniji li bejniethom ħolqu kważi 200 impjieg ġdid bl-għajnuna ta’ din l-iskema.
L-iskema MicroGUARANTEE, mħabbar fil-Budget għal 2012, ser tkun skema ta’ €20 miljun f’garanziji sabiex jingħataw garanziji bankarji fuq self għall-intrapriżi, eżistenti jew ġodda u vijabbli li għandhom bżonn il-kapital biex jinvestu u jaħdmu. Din l-iskema ser tmur id f’id ma’ skema oħra li diġà teżisti, il-MicroCREDIT li minnha diġà gawdew 141 negozju ġdid u dawn qed jinvestu €20 miljun fin-negozji tagħhom. Din l-iskema hija miftuħa għall-SMEs kollha u tgħinhom jinvestu fin-negozji tagħhom b’self sussidjat, u b’rati vantaġġjużi. L-iskema hija mħaddma mill-BOV u tifforma parti mill-programm tal-Unjoni Ewropea JEREMIE.
Intant is-Segretarju Parlamentari qal li din is-sena (2011), sena ta’ riċessjoni internazzjonali, u li għadha ma spiċċatx, diġà ħargu 900 liċenzja tan-negozju ġdid. Dan jikkuntrasta ferm mal-1998 meta s-self employed kienu naqsu b’139, kienu ħarġu 388 liċenzja ġdida tal-kummerċ biss. Dan jixhed il-fiduċja li għandhom l-imprendituri Maltin fl-ekonomija, li minkejja l-maltemp, xorta waħda qed jirnexxielna nirbħu l-isfidi.
Other Press Releases:
PR262012
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...
PR262011