Left arrow Mur Lura

INVESTIMENT KAPITALI MINN FARSONS: SINJAL TA’ FIDUĊJA IMPORTANTI FL-EKONOMIJA MALTIJA.

pr2286
Date Icon 25/11/2011

Il-Baġit 2012 isaħħaħ l-għajnuna tal-Gvern favur l-industrija lokali

L-investiment kapitali, fi proġett ta’ aktar minn €12-il miljun f’birrerija ġdida għall-kumpanija Farsons, huwa sinjal ta’ fiduċja importanti ħafna fl-ekonomija Maltija. Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech wara li żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fis-sit tal-kumpanija fl-Imrieħel. Huwa ltaqa’ ma’ wħud mill-aktar minn 50 ħaddiem li qed jaħdmu fuq ix-xogħol ta’ kostruzzjoni u finishing li għaddej fil-preżent.

Il-Ministru Tonio Fenech faħħar il-viżjoni ta’ din il-kumpanija, li minkejja ċirkostanzi internazzjonali xejn faċli xorta għażlet li tkompli tinvesti biex tkun tista’ ttejjeb l-effiċjenza u l-produttività tagħha u biex tkun tista’ tkompli tikkompeti anke fi swieq barranin.

Fl-intervent tiegħu l-Ministru Fenech fakkar kif il-Baġit 2012 se jkompli jinċentiva l-industrija u l-intrapriża lokali. Dan  il-Baġit  qed  jivvota €14.2  miljun  għall-vot  tal-inċentivi  għall-industrija,  żieda  ta’  ħames  miljun  Ewro  fuq  is-sena li għaddiet.

Il-Gvern se jkun qed jalloka €3 miljun fuq 3 snin f’inċentivi fiskali lil dawk l-industriji li jikkonsmaw ’il fuq minn 2Gwh fis-sena, u li jinvestu f’impjanti ta’ ġenerazzjoni t’enerġija minn sorsi nodfa. Waqt iż-żjara tal-lum ħareġ li l-kumpanija Farsons qed tħares lejn investiment ulterjuri fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva.

Tonio Fenech fakkar li matul is-sena d-dieħla se jkompli programm estensiv ta’ xogħlijiet ta’ titjib f’numru ta’  żoni  industrijali  b’investiment  ta’  16-il  miljun  Ewro. Fakkar ukoll kif ġew allokati 8 miljuni oħra għall-iskemi tal-ERDF, li s’issa diġà gawdew minnhom 570 kumpanija li investew bejniethom 78 miljun Ewro.

Tonio Fenech fakkar kif bl-għajnuna mogħtija lil numru ta’ fabbriki waqt il-kriżi internazzjonali tal-2009, barra li ġew salvati aktar minn 5,000 post tax-xogħol, il-kumpaniji li ġew mgħejuna mill-Gvern għamlu investiment ta’ €35 miljun f’pajjiżna dik is-sena stess filwaqt li fl-2010 investew €74 miljun oħra. Il-Ministru temm jgħid li minkejja d-diffikultajiet u l-maltemp ekonomiku li għaddej madwarna, l-investiment f’pajjiżna kompla jikber. Filfatt, fl-ewwel 10 xhur din is-sena, il-Malta Enterprise approvat 35 proġett ġdid jew espansjonijiet, b’investiment ta’ €145 miljun. Dawn il-proġetti se jwasslu għall-ħolqien ta’ 700 impjieg fi tliet snin li ġejjin.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  FITA: 25 sena ta’ ħidma biex it-teknoloġija tkun aċċessibbli għal kulħadd

PR262012

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

Aktar Stqarrijiet Right arrow