Left arrow Go Back

MESSAĠĠ MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI GĦALL-ELIMINAZZJONI TAL-VJOLENZA DOMESTIKA FUQ IN-NISA

pr2284
Date Icon 25/11/2011

Il-Vjolenza Domestika ma hi ġustifikata qatt u taħt l-ebda ċirkostanza.  Għalhekk f’pajjiżna saru tibdiliet fil-liġi biex jipproteġu n-nisa minn kull forma ta’ vjolenza. Irridu naħdmu lkoll flimkien biex jekk hu possibbli l-vjolenza domestika tkun eliminata darba għal dejjem.

Din is-sena l-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika nidiet kampanja bl-isem ‘Dignity’ bl-iskop li twassal il-messaġġ li wara l-esperjenza kerha tal-vjolenza domestika hemm ħajja ġdida u tama għall-vittmi. Wara l-għajnuna inizjali, il-vittmi għandhom jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex jibnu ħajja mill-ġdid li tkun tinkludi x-xogħol biex fl-aħħar mill-aħħar twassal għall-indipendenza u dinjità li tant tkun nieqsa f’dawn iċ-ċirkostanzi sfortunati.

Is-soċjetà kollha kemm hi għandha tiġġieled din il-pjaga soċjali li qed tpoġġi numru ta’ persuni u uliedhom fi tbatija u tneżżagħhom mid-dinjità li tixraq lil kull persuna. Il-pajjiż għandu diversi strutturi li jaħdmu biex iqajjmu kuxjenza pubblika kontra dan l-abbuż u oħrajn li joffru appoġġ u sostenn lil min isib ruħu f’dawn iċ-ċirkostanzi.

L-appell tiegħi f’dan il-jum jibqa’ primarjament indirizzat lil min attwalment qed isofri mill-vjolenza domestika u qed iħossu iżolat. L-għajnuna qIegħda hemm, telefonata biss ’il bogħod. Jekk int vittma tal-vjolenza domestika, għamel kuraġġ u ersaq lejn l-istrutturi fis-soċjetà li qegħdin hemm apposta biex jgħinukom toħorġu minn dawn is-sitwazzjonijiet. Min hu vittma tal-vjolenza domestika għandu jsib il-kuraġġ li jirrapporta biex flimkien neqirdu din il-pjaga.

Nixtieq nirringrazzja lill-ħaddiema u professjonisti kollha li jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza domestika kif ukoll lill-amministraturi u l-impjegati fid-Djar Residenzjali li joffru kenn u servizzi oħra lil dawn il-vittmi u jgħinuhom biex jibnu ħajjithom mill-ġdid u jintegraw lura fis-soċjetà.

F’isem il-Gvern inġedded l-impenn tagħna li flimkien mas-soċjetà ċivili nibqgħu niġġieldu dawn l-abbużi u noffru sostenn u appoġġ lill-vittmi tal-vjolenza domestika. Insostni li jrid ikollna tolleranza żero għall-vjolenza domestika.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  FITA: 25 sena ta’ ħidma biex it-teknoloġija tkun aċċessibbli għal kulħadd

PR262012

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

More Press Releases Right arrow